Il-vjolenza domestika

    F’Għawdex jeżisti qawl li jgħid: X’ħin serqulu l-bħajra għamel l-għarix. Il-bħajra kienet id-dulliegħ u l-bettieħ li kien jinżera fir-raba’ u l-għarix kienet il-kmajra fejn kien joqgħod l-għassies. Għalhekk dan il-qawl ifisser li l-għassa saret biss wara s-serqa jew fi kliem ieħor dak li kellu jsir, sar tard wisq wara li kienu diġà ġew sofferti l-konsegwenzi.

    U hekk ġara u qed jiġri fil-każ tal-vjolenza domestika. Kif tiġri xi ħaġa nibnu l-għarix, nagħmlu storbju, joħorġu minn qoxrithom xi erba’ psikologi jgħidu tagħhom, kulħadd f’daqqa jsir espert, nagħmlu programm fuq Xarabank, u niffaċċjaw baraxx ta’ proposti ta’ x’għandu jsir u ma jsirx. Imbagħad wara ftit żmien jibred kollox, l-għarix jiġġarraf bil-maltemp u nibqgħu hekk sakemm il-bħajra terġa’ tinsteraq.

    Sfortunatament f’dawn l-aħħar jiem kellna delitt ieħor li jirriżulta li kien każ li jikklassifika ruħhu mal-vjolenza domestika. Każ bħal dak insiru nafu bih għax omiċidju se jidher ta’ bilfors. Iżda f’livell anqas minn l-omiċidji, hemm moħbija listi sħaħ ta’ każijiet li l-maġġor parti tagħhom jibqgħu wara l-bibien, oħrajn jaslu sal-bibien tal-għassa jew xi organizzazzjoni u jieqfu hemm, oħrajn jaslu sal-għatba tal-qrati u ma jitkomplewx, filwaqt li n-numru żgħir li jibqa’ biex jiġu deċiżi, parti sostanzjali jispiċċaw f’liberatorja u numru ferm żgħir f’kundanna.

    Għalhekk il-problema hi ferm u ferm akbar milli tidher u minkejja kull sforz, ftit li xejn qed isir biex il-problema tkun indirizzata. Sfortunatament għaqdiet li jindirizzaw każijiet ta’ persuni vittmi ta’ vjolenza domestika mhux qed jaqdu r-rwol tagħhom kif suppost. Gradwati mingħajr esperjenza u mingħajr taħriġ bażiku qed jgħaffġu aktar milli jgħinu. Qassisin (li wieħed imur għandhom sempliċiment għax huma qassisin) u persuni oħra li jaħsbu li huma esperti f’dan il-qasam delikat, aktar jitfgħu s-sitwazzjoni lura.

    Pereżempju ma nneħħi qatt minn quddiem għajnejja parir li tat persuna minn dawn, u li biex inkun għedt kollox kienet persuna li ta’ spiss kienet tiġi nominata mill-qrati bħala assistenta f’każi matrimonjali, li f’każ fejn kien hemm vjolenza domestika u żwieġ fix-xifer, tat parir lil koppja biex inisslu t-tieni tarbija bl-iskop li din il-ħaġa tgħin fil-kontroll tal-vjolenza domestika. Affarijiet li jekk ma tismagħhomx direttament ma temminhomx. Dawn il-każijiet delikati la għandhom jiġu indirizzati minn persuni mhux kompetenti u lanqas mit-tfal.

    Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu strumentali mhux biss biex jagħtu kull għajnuna li hemm bżonn, wara li tkun saħħet il-vjolenza, iżda biex issir kampanja edukattiva intensa u jekk hemm bżonn fuq tul ta’ żmien biex tħeġġeġ lil vittmi ta’ vjolenza domestika joħorġu minn wara l-ħitan suwed ta’ darhom.

    Wara li b’diffikultà dawn il-każijiet joħorġu minn wara l-bibien tad-djar dawn il-każijiet isibu filtru oħxon ieħor. Minn xiex jgħaddu meta jmorru għand il-Pulizija. Ħafna drabi l-Pulizija Maltija jieħdu dawn il-każi b’mod leġġer jew b’ċertu apatija. Ma rridx niġġeneralizza u naf b’każijiet fejn surġenti ħarġu barra minn triqthom u marru fid-djar u qagħdu jkellmu lil miżżewġin bl-iskop li jagħtuhom għajnuna biex joħorġu mill-problema. Però personalment assistejt għal każ fejn akkumpanjajt f’għassa mara li riedet tagħmel rapport fuq vjolenza domestika u surġent li kien qed jiekol tuffieħa wara l-bank, kif appena bdiet tiftaħ ħalqha qalilha “tqajjimnix minn hawn għal xejn, ħallini ħa niekol din it-tuffieħa bil-kwiet. Mur irranġa ma żewġek aħjar milli tiġi hawn”. Kif induna li jien kont qiegħed hemm mhux għal xi ħaġa oħra iżda biex nassistiha, kompletament bidel id-diska. Dan hu każ wieħed fost il-ħafna, fejn il-Pulizija ma titrattax dawn il-każijiet bis-serjetà li hemm bżonn.

    Barra minn Malta, pereżempju l-Ingilterra, il-poter li għandhom il-Pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika hi xi ħaġa li tiċċassak. Hawn Malta mhux biss il-Pulizija ma għandhomx dawn il-poteri iżda lanqas għandhom it-taħriġ neċessarju sabiex jindirizzaw każijiet bħal dawn, u kull uffiċjal jindirizzahom bil-mod tiegħu. It-tieni tappa biex tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza domestika għandhom ikunu l-Pulizija, b’saħħa mogħtija lilhom fil-liġi, aktar minn każijiet oħra u taħriġ adekwat ta’ kif jindirizzaw is-sitwazzjoni speċjalment mal-vittma u ma jispiċċawx ikunu strument ta’ kif jingħad bl-Ingliż ‘adding insult to injury’ .

    L-aħħar tappa hi l-Qrati. Il-Qrati huma idejhom marbuta mil-liġi. Però żgur li  hemm x’jista jsir. Qorti mgħandhiex tkun kuntenta li każ ta’ vjolenza domestika jingħalaq sempliċiment għax jidher xi ħadd mill-avukati tal-partijiet u jiddikjara illi l-partijiet irranġaw bejniethom. Ħafna drabi dawn ma jkunu rranġaw xejn, iżda jkunu qed jostru dak li jkun seħħ, anke minħabba xi minaċċi jew vjolenza ulterjuri. F’każijiet bħal dawn il-Qrati għandhom ikunu aktar viġilanti u jassikuraw li ġaladarba l-każ huwa pendenti quddiemhom dan għandu jiġi indirizzat kif suppost, u jekk hemm bżonn ta’ rimedji korrettivi dawn jingħataw, biex hekk dak li ġara ma jerġax jiġri u jekk hemm bżonn iservi ta’ deterrent futur mhux biss għal min żbalja iżda għal-bqija tas-soċjetà.

    Jekk mhux se tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, b’edukazzjoni xierqa u saħansitra jiħraxu l-liġijiet u jingħataw aktar poteri lill-Pulizija, il-vjolenza domestika se tkompli għaddejja bl-istess ritmu. Inutli nkunu sensazzjonali u nġibu lil vittmi jitkellmu fuq it-televiżjoni wara xi skrin, għax b’dan il-mod il-problema mhux se tissolva żgur.