Il-Virus ta’ l-Ebola

    Fl-Afrika tal-Punent reġa’ għolla rasu l-virus ta’ l-Ebola – imsejjaħ hekk għax-xmara Ebola li qeda fil-Kongo qrib ir-raħal fejn faqqet l-ewwel mixijja fl-1976. Dak in-nhar kien effettwat ukoll is-Sudan flimkien mal-Kongo.
    Meta nsemmu l-Afrika tal-Punent qed nirreferu għal pajjiżi bħal Benin, Burkina Faso, il-Kosta ta’ l-Avorju, l-Gambia, l-Ghana, l-Guinea, l-Liberia, l-Mali, s-Senegal, is-Sierra Leone u oħrajn. Imma l-virus qiegħed jikkawża problemi fil-Liberia, l-Guinea u fis-Sierra Leone u mhux fl-Afrika tal-Punent kollha.
    Il-virus jittieħed minn kuntatti ma’ demm jew likwidi tal-ġisem ta’ annimali nfettati. Jissemmew ix-xadini u l-friefet il-lejl u dawn ta’ l-aħħar jistgħu ixerrdu l-virus anke jekk huma stess ma jkunux affettwati mill-istess virus. Qrajt li f’ċerti pajjiżi Afrikani, soppa tal-friefet il-lejl hija meqjusa bħala ikla speċjali.
    Mhux virus li jinxtered ma’ l-arja għalhekk it-tixrid tiegħu huwa limitat. Malli l-virus jinfetta l-bniedem wara kuntatti kif diġa semmejna, imbagħad it-tixrid bejn il-bnedmin jibda ukoll. Dejjem jinxtered wara kuntatt mad-demm u likwidi oħra tal-ġisem ta’ persuna nfettata.
    Jista jibdew jidhru sintomi minn jumejn wara li wieħed jieħu l-virus sa tlett ġimgħat wara. Jitla d-deni, u l-persuna infettata jkollha uġigħ fi griżmejha, uġigħ fil-muskoli u anke uġigħ ta’ ras. Tipikament jibda ukoll id-dardir, r-ramettar u d-dijareja u għalhekk jintilfu ħafna likwidi mill-ġisem. Kemm il-fwied kif ukoll il-kliewi jibdew jiġu affettwati u minħabba li dawn huma organi importanti ħafna fil-ġisem, il-persuna tkun magħdura sew. F’dan l-istadju ukoll jibdew xi emoreġiji (telf ta’ demm) li jista jkun fl-intern jew esternament.
    Persuni li jirnexxielhom jibqgħu ħajjin wara li jattakkhom il-virus jistgħu jibqgħu bil-virus ġo ġisimhom sa tlett ġimgħat wara. Għaliex lil xi wħud joqtolhom waqt li oħrajn jibqgħu ħajjin għadu misteru. Jista jkun li jekk il-pazjent għandu xi mard ieħor taffettwa s-sitwazzjoni imma għadu kmieni ferm biex wieħed jgħid fiż-żgur. Għad irid isir ħafna aktar studju u riċerka.
    Sa issa huwa rrappurtat li mietu madwar 720 ruħ u l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa ingħataw il-parir sabiex jilbsu lbies protettiv, bħal ma huma togi, ingwanti u anke jaraw li għajnejhom ikun protetti bi speċi ta’ nuċċalijiet apposta. L-għajnejn iridu jkunu protetti minħabba li l-għajn kapaċi ‘tixrob’ jekk jidħol xi likwidu nfettat fiha. Fil-fatt kemm il-darba lkoll kemm aħna għamilna taqtir f’għajnejna għax kellna xi nfezzjoni wara li ordnajulna t-tabib u dan għax dak li jidħol ġo fihom jinxtorob.
    Interessanti f’intervista li saritlu, Dr. Armesh Adalja M.D. li huwa speċjalizzat fil-mard infettiv fl-Univerista ta’ Pittsburgh, fl-Istati Uniti qal li waqt li l-virus huwa meqjus bħala wieħed qattiel, l-faqar u n-nuqqas ta’ kura adekwata li hemm fil-pajjiżi milquta qed ikompli jarraq is-sitwazzjoni. Mhux faċli tgħid xi tkun ir-rata ta’ mwiet minn dan il-virus kieku n-nies effettwati jingħataw l-kura li pajjiżi moderni u żvilluppati jgħatu lill-pazjenti tagħhom. Il-faqar jiżvantaġġja lil kulħadd u f’kollox.
    Mistoqsija li tiġi waħedha hija x’għandu jsir sabiex din l-mixijja tiġi ikkontrollata. Skont esperti f’dan il-qasam huwa mportanti ħafna biex dawk li huma nfettati jiġu identifikati kmieni kemm jista jkun u jingħataw l-kura neċessarja. Fl-istess waqt li l-kura bikrija tagħti ċans aħjar lil dak li jkun, dawn jittwarrbu mis-soċjeta sabiex ma jinfettawx lil oħrajn. Irid isir ukoll dak li fis-Saħħa Pubblika  jissejjaħ ‘contact tracing’ jiġifieri jinstabu dawk li seta’ kellhom kuntatt mal-persuni infettati sabiex huma ukoll jingħataw il-kura meħtieġa. Imma skont Dr. Adalja l-arma aħħarija hija dejjem l-edukazzjoni. Minn fejn jiġi dan il-virus u kif jinxtered iridu jkunu jafuh dawn il-popli sabiex jitgħallmu jipproteġu lilhom nnfushom.

    Sina Bugeja