Il-viċi ta’ Keith Schembri

    Facebook/Alex Muscat

    Min ikun biħsiebu jħaddem lil xi ħadd ġdid, qabel jibda l-intervisti, jagħti daqqa t’għajn il-kurrikulu ta’ dawk li juru interess fl-impjieg li jkun qed joffri. Hekk ikun jaf il-persuna għandhiex il-kwalifiki meħtieġa u jkun jaf fejn u ma’ min dil-persuna ħadmet fil-passat, x’esperjenza tkun kisbet u x’tip ta’ kultura hi mdorrija fiha. Spiss jiġri wkoll li tintalab referenza mill-imgħallem preċedenti.

    Il-Prim Ministru Robert Abela kellu ħafna kurrikuli f’idejh meta ġie biex jagħżel lil min se jħaddem bi flusna. Fosthom kellu ta’ xi ħadd li fl-aħħar sebgħa snin ħadem f’Kastilja spalla ma’ spalla u siġġu ma’ siġġu ma’ Keith Schembri. Dan it-tali fil-kurrikulu niżżilha bl-lngliż u sejjaħ lilu nnifsu ‘Deputy Chief of Staff, OPM’. Maqluba għall-Malti tiġi li kien il-viċi ta’ Keith Schembri.

    Dan il-viċi li kellu Keith Schembri mhu ħadd ħlief id-Deputat Laburista Mosti, Alex Muscat.

    Min jaf l-Onorevoli Muscat kemm-il darba ra l-mowbajl li ħadd ma jista’ jsib jiċċarġja fl-uffiċċju ta’ Kastilja. Min jaf kemm-il espresso għamillu Keith. Għamel espresso lil Melvin Theuma – dak li tqabbad biex iqabbad lil min joqtol lil Daphne – ma jagħmilx lill-viċi tiegħu! U min jaf ukoll kemm-il selfie ħadu hu u Keith, kif ħa mal-istess Theuma bir-ritratt mal-Prim Muscat fl-isfond. Tgħid kienu jitkellmu fuq il-ħbieb li kellhom u kif kienu jiddevertu flimkien? Tgħid kien jgħidlu Keith Schembri kemm kien qrib ta’ Yorgen Fenech, kemm kien iħobb jiekol miegħu, kemm kien iċempillu spiss u x’kien jgħidlu?

    B’esperjenza daqstant vasta ma’ dak li fil-Partit Laburista ngħata t-timbru ta’ ‘traditur’, wieħed seta’ jobsor li l-Onorevoli Alex Muscat kien se jbati biex isib impjieg ġdid u kien se jkollu jikkuntenta bl-onorarja ta’ backbencher. Iżda l-Prim Ministru Robert Abela fehemha mod ieħor. Lil Alex Muscat tah promozzjoni u għamlu Segretarju Parlamentari. F’idejh fdalu ċ-ċittadinanza u l-komunitajiet. Mhux magħruf jekk Abela ċempilx lill-imgħallem preċedenti ta’ Alex Muscat – Keith Schembri – biex jistaqsih jirrakkomandahulux għall-job il-ġdid. Huwa fatt magħruf li Schembri jifhem sew fiċ-ċittadinanza tant li hemm inkjesta li ilha sentejn u nofs tistagħġeb f’ħidmietu fil-qasam.

    Gideb

    Fi stqarrija, Repubblika lbieraħ ikkundannat lill-eks viċi ta’ Keith Schembri, Alex Muscat, għall-gidba li qal fuqi fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.

    Bil-kurrikulu li għandu Alex Muscat wieħed m’għandux jistagħġeb li jaqa’ għat-tattika tal-gideb. L-uffiċċju li kien jaħdem fih serva ta’ fabbrika ta’ gideb intiżi biex jitgħattew veritajiet marbuta ma’ korruzzjoni u saħansitra assassinju. L-uffiċċju li fih għadda l-aħħar seba’ snin Alex Muscat kien il-bejta ta’ dik li l-President George Vella sejjaħ ‘il-klikka li ġabet l-għajb fuq pajjiżna.’

    Gidba oħra hija tal-Prim Ministru Abela li llum qed jippreżentalna lil dak li kien il-viċi ta’ Keith Schembri bħala ‘wiċċ ġdid’. Il-verità hi li m’hemm xejn ġdid f’dan il-Gvern ta’ kontinwità li kulma qed jipprova jagħmel huwa li jaħsel in-nies tiegħu bl-istess mod kif soltu jinħaslu l-flus.