Il-Valuri Ewropej

    Nitkellmu ħafna drabi fuq il-prinċipji u l-valuri Ewropej u kif huma dawn il-valuri li jżommuna magħqudin u jagħmluna min aħna. Imma eżattament fuq xhiex qed nitkellmu? Jiġu f'moħħi d-demokrazija, l-istabilita, is-sigurta u l-prosperita. Kollha ghandhom l-importanza tagħhom u jagħmlu l-Ewropa dak li hi.
    Nafu li grupp ikbar ta’pajjiżi jwassal għal aktar kummerċ f'suq aktar wiesa' u dan iħalli l-effetti pożittivi tiegħu. Imma l-prosperita hija akbar min kull valur iehor? Il-flus ghandhom l-importanza tagħhom għax necessarji għal kollox imma min fejn jiġu u kif taqlagħhom għandu effect dirett fuq kollox u fuq kulħadd. Jinħtieġ li nassiguraw li ħadd ma jħares lejn il-gwadan personali tiegħu biss imma hemm valur ieħor li huwa ta’ mportanza kbira u dan huwa il-valur tas-solidarjeta. Solidarjeta ma min huwa fil-bżonn.
    L-Ewropa żgur għandha aktar kuxjenza soċjali minn kontinenti oħra u nemmnu li taf tieħu ħsieb in-nies aħjar. Imma dan japplika biss jekk tkun ewropew jew nemmnu fis-solidarjeta aktar wiesa? Il-bniedem fil-bżonn huwa bniedem fil-bżonn u ftit li xejn tagħmel differenza min fejn ikun ġej jew fejn ikun sejjer. Fiċ-ċentru dejjem għandu jkun hemm il-bżonn li persuna huwa mċaħħad minnu.
    Jidher li aħna bħala Ewropej, nippreferu sistemi bbażati fuq ir-regoli meta nkunu mqabbla per eżempju ma dak li jppreferu l-Amerikani – almenu meta nitkellmu fuq kif taħsibha l-maġġoranza. L-Amerikani jippreferu sistemi li ma jindaħlux lil dak li jkun u għalhekk japprezzaw dik li huma jsejħulha l-liberta li jagħmlu dak li jridu u kif iridu.
    Fil-kas tar-refuġjati, r-regoli huma ċari kif fasslithom l-Ewropa imma qegħdin nagħmlu ħafna mistoqsijiet. Daħal ċertu element ta’ biża u preokkupazzjoni. Tkellimna fuq jekk hux se jieħdu xogħol il-Maltin u minflok sibna li dak li ma nixtiequx nagħmlu aħna bħala xogħol qed insibu fost dawn in-nies li jridu jagħmluh.
    Il-kriżi tar-refuġjati qed tagħmlilna sfida qawwija u qed nesperjenzaw sitwazzjoni ġdida, imma b’daqshekk ma jfissirx li mhux ser inkunu kapaċi nsibu soluzzjoni li taħdem. Il-prinċipju jibqa s-solidarjeta ma dawk li jinħtieġuha.
    Prinċipju ieħor jinkludi d-drittijiet umani universali li kif jgħid l-isem stess suppost huma d-drittijiet ta kulhadd – mingħajr distinzjoni u fuq il-prinċipju li kull bniedem għandu dawn id-drittijiet.
    Qed nitkellmu fuq valuri bażiċi. Il-valuri li jirriflettu element fundamentali tal-kultura tagħna u jekk aħna kburin li aħna Ewropej, allura dawn huma s-sinjali li rridu nagħtu lid-dinja sabiex nintagħrfu min aħna.
    Il-mistoqsija dwar il-valuri tagħna bħala Ewropej mhux minħabba r-refuġjati biss irridfu nagħmluha. Qrajna dwar l-ewwel kas ta ewtanasja ta minorenni fil-Belġju u fuq it-tifla b'dizabilta severa, Nancy Fitzmaurice imma li ma kenitx fil-periklu tal-mewt fejn intemitillha hajjitha b’deċiżjoni tal-Qorti.
    Mingħajr ma naghme; ġudizzju fuq min huwa parti minn din l-istorja, nistaqsi biss – konna solidali ma dawn iż-żewġ persuni u dawk li kellhom ir-responsabbilta li jieħdu ħsiebhom?
    Fil-ħamsin anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, inħarġet id-dikjarazzjoni ta’ Berlin li tgħid, fost affarijiet oħra: We are striving for peace and freedom, for democracy and the rule of law, for mutual respect and shared responsibility, for prosperity and security, for tolerance and participation, for justice and solidarity.
    Veru dan?