Il-Qtil ta’ Daphne: Min jivvinta l-aktar kontra l-Gvern!

    Arkivji

    Huwa veru tal-mistħija kif ċerti nies ma juru l-ebda rispett lejn ħadd u jaqbdu u jfajru kummenti bla sens dwar min kien il-mandant wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhux hekk biss imma wkoll issa wasalna fl-istat li dak li jiġi rrappurtat f’ċerti sezzjonijiet tal-media qed nieħduh bħala fatt ċert minflok ma nevalwawh b’mod kritiku kif għandu jagħmel min għandu anke farka ta’ intelliġenza.

    Nibda b’min mill-ewwel beda jxerred l-idea li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien qtil politiku. Skużi, imma kif taqbad u tgħid hekk meta lanqas biss hemm prova waħda li dan kien il-każ? – U Gvern li kien għadu kemm rebaħ rebħa elettorali ta’ dimensjonijiet storiċi bħalma għamel il-Gvern Laburista fl-2017 jaqbillu jelimina b’mod spettakolari waħda mill-eħrex kritiċi tiegħu biex hekk jiġbed fuqu l-attenzjoni negattiva mhux biss tal-popolazzjoni lokali imma anke ta’ dik tal-pajjiżi Ewropej u l-kumplament tad-dinja?

    Hemm ukoll min qal: “iva, tort tal-Gvern Laburista li nqatlet Daphne Caruana Galizia għax naqas milli jagħtiha l-protezzjoni meħtieġa”. Din gidba assoluta. Daphne ċaħdet il-protezzjoni tal-Istat għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett, għax dejjem riedet tipproteġi u żżomm sigrieti s-sorsi tal-informazzjoni tagħha u dan ma kienx possibbli jekk ikollha l-għassa magħha; it-tieni, għaliex hi stess kienet tiddejjaq kieku jkollha xi ħadd dejjem għassa magħha għax ma kinetx tħossha komda.

    Imbagħad hemm min isemmi wkoll li kienu jsiru ħafna attakki pubbliċi fuq Daphne Caruana Galizia u, allura, hawn ukoll naqas il-Gvern Malti. – Inkredibbli! – Irridu niftakru li Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista li tikteb b’mod qawwi ħafna u laqtet ħafna nies b’dak li kitbet. Issa taqbel jew ma taqbilx ma’ dak li kienet tikteb huwa argument ieħor. Il-fatt jibqa’ li kien hemm ħafna nies li kienu jħossuhom offiżi b’dak li kienet tikteb. U aħna ngħixu f’pajjiż demokratiku u ħieles, allura kif seta’ l-Gvern iwaqqaf lil min ried jirrispondiha bil-mod qawwi li kienet tuża hi stess fil-kitbiet tagħha?

    Forsi jkun hemm min jgħidli: “imma ċerti kummenti verament goffi li kienu jiktbu fuqha ma kinux żejda u barra minn lokhom?” – U jien inwieġeb: “iva, imma mhux kull persuna pubblika llum hi esposta għal din it-tip ta’ kritika goffa u li tweġġa’?” – “Mhux kull opinjonist joffenduh u jgħaddu kummenti xejn sbieħ fuqu jew fuqha?” – Ladarba hemm il-libertà tal-espressjoni, il-Gvern ma jista’ jagħmel xejn f’każijiet bħal dawn.

    Anke għax il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, ħassu ħażin waqt attività pubblika ftit qabel l-assassinju ta’ Daphne, kien hemm min ipprova jpinġi dan bħala xi misteru. L-istess għamlu fil-każ ta’ Chris Cardona għax kien kellem wieħed mill-akkużati fil-każ. Jien għamilt żmien twil naħdem bħala edukatur fil-ħabs u min jaf kemm inkun għaddej il-Belt jew f’xi post ieħor u jwaqqafni xi eks-ħabsi sempliċement b’rispett biex ikellimni. Mela jekk wara jerġa’ jikkommetti xi reat ieħor, jaqa’ suspett fuqi li kelli x’naqsam? – Redikola tgħidha biss! – Avukat bħal Dr Chris Cardona mhux ovvju li jwaqqfuh u jkellmuh nies akkużati b’reati kriminali jekk dak hu xogħlu?

    Issa, dan l-aħħar, issemma’ f’ġurnal bl-Ingliż li jista’ jkun involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia businessman prominenti. Mill-ewwel kien hemm min beda jipponta subgħajh f’ċerti direzzjonijiet. U reġa’ żżeffen fin-nofs il-Gvern Laburista. “Sinjal li kien hemm xi konnessjoni bejn il-businessman u l-Gvern”, kien hemm min qal. U provi? – Bħas-soltu, xejn. Spekulazzjoni biss!

    Qal tajjeb ħafna l-Prim Ministru li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti rapporti tista’ tgħin biss lil min wettaq ir-reat billi tavvertih li l-attenzjoni daret fuqu. Daqstant ieħor spekulazzjoni bla bażi sservi biss biex tħawwad l-ilma u tagħmel l-istampa vera inqas ċara u dan b’detriment għall-ġustizzja.

    Fejn għandu x’jaqsam il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hemm bżonn aktar serjetà u sens ta’ responsabbiltà minn kulħadd.