Il-Qorti ta’ Għawdex – Sitwazzjoni tal-biki

    Din il-ġimgħa għalaqt 22 sena li gradwajt bħala avukat. 22 sena li fihom kważi ta’ kuljum terraqt lejn is-swar taċ-Ċittadella biex naqdi dmiri fil-Qorti ta’ Għawdex. Żmien twil mhux ħażin li fihom asssistejt għal sitwazzjonijiet u esperjenzi differenti. Fuq kollox dehert quddiem maġistrati u mħallfin li marru u ġew, uħud marru lura Malta biex qatt ma reġgħu ġew u wħud irtiraw bl-età.

    Din hi sitwazzjoni li tiġri f’kull post tax-xogħol u jkun kbir kemm ikun kbir postok fuq il-post tax-xogħol, mal-irtirar trid tħallih vojt, u bħal f’kollox imut papa u jilħaq ieħor. Iżda jidher illi din id-darba ma ġarax hekk u l-papa miet imma floku ma laħaqx ieħor. U dan qed ngħidu għas-sitwazzjoni li żviluppat wara l-irtirar tal-Maġistrat Dr Paul Coppini. Il-Maġistrat Coppini żamm l-aħħar seduta tiegħu fil-25 ta’ Ottubru 2019 wara karriera twila fejn kien ilu jippresedi fil-Qorti ta’ Għawdex għal aktar minn 25 sena. Il-Maġistrat Coppini kellu quddiemu 422 kawżi ċivili pendenti filwaqt illi t-total ta’ kawżi ċivili pendenti fil-Qorti ta’ Għawdex jammonta għal 664. Dan ifisser illi l-Maġistrat Coppini kellu kważi żewġ terzi tal-kawżi pendenti f’Għawdex.

    Minkejja dan il-volum ta’ xogħol f’Għawdex ma ġie nominat l-ebda maġistrat ieħor biex jieħu x-xogħol tal-Maġistrat li issa rtira. Is-sitwazzjoni ilha sejra għall-agħar minn April 2019 meta l-Maġistrat l-ieħor sedenti f’Għawdex, ċioè l-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri ġiet promossa għal imħallef.  L-intendiment kien illi l-Ministru tal-Ġustizzja kellu jġib fis-seħħ liġi li ilha li għaddiet mill-parlament għal numru ta’ snin, li Għawdex jiġi bħal Malta, u l-qrati Superjuri Ċivili ma jibqgħux preseduti minn Maġistrat iżda minn Imħallef. U kulħadd kien qal li l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri kellha terġa’ tinġieb Għawdex b’seħħ mill-1 ta’ Novembru 2019 biex tkompli tisma’ l-kawżi ċivili din id-darba bħala mħallef. Tant illi hekk, illi xi kawżi li Vella Cuschieri bħala Maġistrat kienet iddeferiet għas-sentenza baqgħu fuq isimha u reġgħu ġew diferiti għas-sentenza għall-1 ta’ Novembru quddiemha bħala mħallef, u għadhom jidhru hekk fuq il-websajt tal- Qorti sal-ġurnata tal-lum.

    6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura: 3 imħallfin u 3 maġistrati

    Iżda l-Qorti ta’ Għawdex baqgħet kif kienet, jiġifieri Qorti tal-maġistrati u l-imħallef Vella Cuschieri baqgħet Malta tagħmel il-kawżi li ħalliet warajha l-Imħallef Schembri Orland li ġiet assenjata kariga f’Qorti barra l-pajjiż.

    L-Imħallef Schembri Orland eletta fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

    Sadanitant wara li spiċċat minn Għawdex Dr Vella Cuschieri, ġiet maħtura flokha l-Maġistrat Brigette Sultana. L-appuntament ta’ din il-maġistrat kien wieħed ad interim biex jimla l-vojt tal-imħallef Vella Cuschieri sakemm din terġa’ tinġieb Għawdex fl-1 ta’ Novembru 2019. Iżda issa li l-Qorti ta’ Għawdex baqgħet qorti tal-Maġistrati u mhux tal-imħallfin, u ġaladarba allura l-Imħallef Vellla Cuschieri ma ġietx Għawdex, il-Maġistrat Brigette Sultana baqgħet tisma’ parti mill-kawżi Ċivili hi.

    Il-konsegwenza ta’ dan it-taħwid kollu hija li mill-1 ta’ Mejju sal-lum ċioè fi kważi seba’ xhur, kulma ġew deċiżi kawżi ċivili f’Għawdex huwa 17-il kawża. Barra minn hekk il-kawżi li kienu tal-Maġistrat Coppini qed jiġu diferiti u lanqas qed tingħata data għad-diferiment. B’mod simili, is-sentenzi li kellha tagħti l-Imħallef Vella Cuschieri fl-1 ta’ Novembru 2019 ġew diferiti u lanqas hemm data għad-diferiment.

    Post il-Maġistrat Coppini jinqasam bejn tnejn

    Din is-sitwazzjoni hi waħda tal-biki u tkompli żżid mas-sitwazzjoni diġà diffiċli u dipressanti li hemm fil-Qorti ta’ Għawdex. Il-Qorti ta’ Għawdex m’għadux postha fil-post fejn qiegħda llum u fejn ilha saħansitra ngħid għal mijiet ta’ snin. Il-post hu wieħed żgħir u skomdu għall-aħħar. Apparti n-numru ta’ turġien li fih u li jagħmluha diffiċli mil-lat ta’ aċċessibilità għal persuni b’diffikultajiet fil-mobilità, il-post hu wieħed antik. Biżżejjed tidħol f’uffiċċju u tħares lejn il-ħitan. Ma tistax ma tinnotax il-moffa ħierġa minn bejn il-fili, kawża tal-umdità eċċessiva li hemm fil-post. Skrivaniji ppakkjati qishom sardin u ħaddiema jridu jaħdmu f’kundizzjonijiet bħal dawn, bil-files fuq siġġu jew fl-art. L-arkivju sar ċkejken wisq bil-kundizzjoni li ftit tas-snin ilu materjal prezzjuż li kien fl-arkivju tal-Qorti kellu jittieħed f’waħda mil-libreriji pubbliċi fir-Rabat, Għawdex.

    Blogg: Il-Maġistrati u l-Imħallfin tagħna

    Fl-ewwel diskors fl-ewwel seduta tagħha, l-Imħallef Vella Cusċhieri li kienet ħadmet f’Għawdex għal numru ta’ snin u nistgħu ngħidu li ħabbet lill-Qorti ta’ Għawdex, kienet għamlet aċċenn għal din is-sitwazzjoni ħażina tal-bini tal-qorti ta’ Għawdex.

    Fl-aħħar leġislatura ta’ dan il-gvern, meta l-Ministeru għal Għawdex kien immexxi  minn Dr Anton Refalo kienu saru studji f’arja partikolari fir-Rabat Għawdex, saru l-konsultazzjonijiet u tħejjew il-pjanti għal bini ta’ Qorti ġdid. Saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u ntefqu eluf ta’ Ewro biex kif ġiet appuntata l-Ministru Dr Justyne Caruana, il-proġett ġie skartat. Fil-fatt ġie indikat sit alternattiv fejn jista’ jsir il-Qorti ta’ Għawdex, iżda dan reġa’ twarrab u s-sitwazzjoni għadha status quo.

    Tfittxija għat-tielet sit alternattiv għall-Qorti f’Għawdex

    Issa biex tkompli tagħqad inħolqot din is-sitwazzjoni tal-Maġistrati/Imħallfin, li kompliet żiedet biex il-kawżi jkomplu jitwalu u l-pubbliku ma jkunx moqdi kif xieraq. L-agħar ħaġa hi illi min għandu jaġixxi ftit li xejn qed jagħmel biex jimmeljora s-sitwazzjoni.

    Repubblika tisfida l-ħatra ta’ 6 membri ġodda tal-ġudikatura

    Il-kawżi fil-Qorti ta’ Għawdex jinsabu fil-limbu – Said