Il-protesti: Hemm min hu imparzjali u hemm min le

    Id-dritt li tipprotesta kontra l-Gvern huwa dritt sagrosant f’demokrazija. Gvern demokratiku dejjem iħares u jirrispetta l-libertà tal-espressjoni taċ-ċittadini tiegħu.  Madankollu, dan ma jfissirx li wieħed għandu jaċċetta li jkun hemm min, għall-iskopijiet politikament partiġġjani tiegħu, jimmanipula lil nies oħra li jkollhom skop ġenwin wara l-protesti tagħhom.

    F’pajjiżna saru ċerti żbalji mill-Gvern Laburista, naħseb dan kulħadd jammettih illum. Għalhekk, hemm ċertu sens ta’ rabja fost ħafna ċittadini li jixtiequ juru l-għadab tagħhom permezz ta’ protesti paċifiċi. Però, x’qiegħed jiġri? – Il-kontroll ta’ dawn il-protesti ġustifikati għall-aħħar spiċċa f’idejn grupp ta’ nies li għandhom biss aġenda waħda: dik li jippruvaw iwaqqgħu mill-poter lill-Partit Laburista.

    Fettilli nsegwi xi diskorsi li saru waqt waħda mill-aħħar protesti fil-Belt Valletta. Bqajt skantat għax jidher ċar li min qed imexxi dawn il-protesti għandu skop Makjavellian. L-ewwelnett, dawn il-protesti ġieli ma qed ikunu paċifiċi xejn u wieħed jista’ anke jara fost uħud mill-parteċipanti ċerta attitudni li żgur mhijiex dik ta’ min qiegħed jipprotesta b’mod ġenwin għax verament iħobb lil pajjiżu. Nerġa’ ntenni li dan ma japplikax għal kulħadd għax hemm numru mhux ħażin li verament huma ġenwini u għandhom l-iskop nobbli li neqirdu l-korruzzjoni u dak kollu li hemm ħażin fil-governanza pubblika.

    Madankollu, ejjew inkunu onesti: hawn xi ħadd li jista’ jieħu bis-serjetà nies bħal Vicki Ann Cremona, Manuel Delia, Marion Pace Asciak, Norman Vella, Pia Zammit u “la bella compagnia”? – Dawn mhux kulħadd jaf min huma? – Ħa nagħmilha ċara li jien mhux qed ngħid li dawn in-nies mhumiex nies ta’ integrità. – Xejn minn dan kollu. Bħala individwi nafhom bħala nies serji u tal-affari tagħhom. Li qed ngħid huwa biss li fejn tidħol politika, huma wisq midħla ta’ ambjenti anti-Laburisti biex jistgħu jaġixxu b’mod oġġettiv.

    Għalhekk, huwa importanti li dawk li qed jieħdu sehem fil-protesti kontra l-Gvern Laburista għal raġunijiet ta’ ideal, jiġifieri għax jixtiequ jaraw politika aktar nadifa u ġustizzja rigward l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, joqogħdu attenti li ma jiġux manipulati minn min jista’ jkollu skopijiet ulterjuri.

    Min-naħa tal-Laburisti, aħna wkoll għandna d-dover li naraw li dak li sar f’dawn l-aħħar snin ma jirrepetix ruħu għax tlifna l-kredtu ma’ ħafna nies u, minħabba dak li ġara, ħafna nies qed jinsew it-tajjeb kollu li sar u jaraw l-ikrah biss. Jiena nittama li l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista jagħmel kinsa tajba ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor tebbgħu isem il-Partit u bl-aġir tagħhom kienu ta’ dannu għal Malta u l-poplu Malti kollu.

    U minn issa ‘l quddiem, fil-gvern nipprattikaw il-kontabilità kif konna stqarrejna li se nagħmlu fl-2013. Mhux inħallu sakemm ikun tard wisq biex nieħdu l-azzjoni meħtieġa kontra min ikun żbalja serjament snin qabel bħalma ġara fil-każ tal-Panama Papers.