Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Xi rwoli se jkollha Malta fis-6 xhur li ġejjin?

    Il-Presidenza fiex tikkonsisti? X’inhuma l-vera poteri tagħha u kif taħdem? Dawn huma ftit mid-domandi li jsaqsu dawk kollha li jibdew jieħdu xi ftit interess fis-suġġett. Fuq kollox il-Presidenza xi rwol għandha fil-konkret? Fil-linji li ġejjin ser nelabora fuq l-erbgħa rwolijiet ewlenin tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri.
    Il-Presidenza tiddeċiedi l-aġenda
    U għalhekk tiddeċiedi l-prijoritajiet tal-Unjoni. Dan il-poter jippermetti lill-Presidenza li effettivament timbotta b'aktar saħħa l-oqsma fejn hija tqis li l-Unjoni jeħtieġ tavvanza x-xogħol tagħha. 
    B'din is-setgħa l-Presidenza jista' jkollha l-ambizzjoni li twassal għal kompromess u eventwalment għal konklużjoni ta' negozjati leġislattivi li jbiddlu l-Ewropa f'oqsma differenti, mill-ambjent sal-immigrazzjoni u d-90 kompetenza oħra tal-Unjoni.
    Minbarra l-impatt fuq l-aġenda leġislattiva l-Presidenza tħalli wkoll impatt permezz ta' riżoluzzjonijiet ta' karattru politiku – l’hekk imsejjħa konklużjonijiet tal-Kunsill jew tal-Presidenza, li fuq inizjattiva tal-Presidenza, jistgħu jibnu pressjoni politika li eventwalment tista’ twassal għal bidla leġislattiva jew fl-implimentazzjoni tal-liġi.
    Il-Presidenza tippresjedi
    U ċioé tmexxi l-Kunsill tal-Ministri. L-ewwel rwol tal-Presidenza huwa fil-fatt li torganizza x-xogħol tal-Kunsill billi issejjaħ il-laqgħat differenti tiegħu, tiddeċiedi l-ġranet li fihom jiltaqa’ l-Kunsill u kemm il darba jiltaqa’. Barra min hekk, l-uffiċjali tal-Gvern Malti ser ikunu qed imexxu madwar  103 il-laqgħa ta’ preparazzjoni li isiru qabel il-laqgħat tal-Ministri Ewropej ta’ setturi differenti. Dan ifisser li Malta trid tisma’ l-interessi u pożizzjonijiet differenti tal-pajjiżi l-oħra u tmexxi l-laqgħat b' mod li twassal lil-Kunsill pass eqreb lejn soluzzjoni li jkollha l-appoġġ tal-maġġoranza ta’ l-Istati Membri u wara, tal-Parlament Ewropew.
    Il-Presidenza tipproponi
    Ir-rwol tal-Presidenza ma jieqafx fid-dover tagħha li tmexxi l-laqgħat iżda jmur ferm lill hinn. Biex il-laqgħat tal-Kunsill jagħtu l-frott, il-Presidenza tagħmel ħafna xogħol preparatorju qabel il-laqgħat li jinkludi l-ġabra tal-ideat u l-proposti kollha mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u sorsi oħra.
    Wara li tassigura li l-partijiet kollha jkunu ħarġu l-ideat u l-proposti tagħhom, il-Presidenza tasal lejn ir-rwol l-aktar delikat tagħha li hu dak li tressaq kompromess bejn il-pożizzjonijiet diverġenti fuq temi varji li jeħtieġu deċiżjoni mill-Kunsill.
    Li tintlaħaq deċiżjoni fil-Kunsill ta’ spiss huwa biss nofs ix-xogħol ġaladarba li fil-maġġor parti tal-kompetenzi tal-Unjoni jeħtieġ li jinstab qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
    Il-Presidenza tinnegozja
    Hekk kif il-Presidenza tikseb l-appoġġ ta' maġġoranza b' saħħitha ta' Stati Membri fil-Kunsill din ġeneralment titlob mandat sabiex tibda tinnegozja mal-Parlament Ewropew.
    Ir-rwol tal-Presidenza fin-negozjati mal-Parlament Ewropew huwa delikat ferm għal bosta raġunijiet. L-ewwel nett il-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni Ewropea eletta demokratikament u għalhekk jirrappreżenta l-popli Ewropej. Dan ifisser il-miri tal-Parlament Ewropew ġeneralment ikunu iktar ambizzjużi minn dak li jkunu lesti jċedu l-Istati Membri fil-Kunsill, għaldaqstant il-Presidenza tkun taħt pressjoni biex tibbilanċja bejn it-tnejn. 
    Barra min hekk, il-Presidenza tkun ġeneralment marbuta b' mandat ta' negozjati mill-Kunsill. Jekk il-Presidenza iċċedi territorju lill hinn mill-mandat tal-Kunsill tirriskja li titlef il-maġġoranza li tkun appoġġat il-kompromess tagħha qabel in-negozjati mal-Kunsill. 
    Element ieħor ta' pressjoni għal-Presidenza fin-negozjati huwa l-perijodu limitat tagħha ta' sitt xhur li f'ċerta sitwazzjonijiet  ipoġġiha fi żvantaġġ strateġiku vis a vis il-partijiet l-oħra li għandhom mandat ta' ħames snin.  Min naħa l-oħra, dan jagħti lill-Unjoni spinta ta’ enerġija friska hekk kif tidħol Presidenza ġdida li ġġib magħha ideat ġodda u ambizzjoni li tikseb riżultati.