Il-President Coleiro Preca, Steve Jobs u David Camilleri

    Kienet marret għajnejja bija jien u naħseb dwar is-suġġett li kelli nikteb dwaru. Illum sbaħt kmieni. Qomt mis-sodda, għamilt kafè u mxejt għal fejn il-vaska tal-ħut tal-ilma ħelu. Poġġejt fuq ġebla mdaqqsa, inħares l hawn u l hinn u nisma’ l-ilma jċarċar mal-blat taghħa minn vaska għall-oħra.

    Din il-ġimgħa kienu seħħew diversi avvenimenti. L-akbar dieqa kienet il-vot kontra l-protezzjoni tal-embrijun u ċ-ċaħda tal-President li tħares il-ħajja umana meta hi fl-aktar stadju vulnerabbli ta’ ħajjitha. Mingħajr ma ridt ftakart meta fit-30 ta’ April 2017, kont irriżenjat minn Whip u f’dik l-ittra indirizzatha lill-Prim Ministru fost ħwejjeġ oħra kont ktibt:

    Għax għidli inti kif tista’ titkellem fuq id-drittijiet Ċivili meta lest li ċċaħħad persuna mid-dritt ewlieni tal-ħajja billi ma tipproteġihiex meta l-aktar vulnerabbli? (embryo freezing).’

    Mhux se noqgħod indur mal-lewża. Soċjetà li nbidlet, insiet għeruqha. Spiċċat bojja. Skont kif jaqbel, qegħda taqbel. M’hemmx dubju li l-iffriżar ma jiggarantixxix il-ħarsien tad-dritt tal-ħajja.

    Ftaħt it-tablet li kien f’ħoġri u fuq l-iscreen kien hemm diversi messaġġi fosthom ta’ Facebook. Minn xi mkien irrid nibda. Ftaħthom. L-ewwel wieħed kien mibgħut minn Mary. Kien jikkwota lil Steve Jobs, biljunarju b’ħiliet mhux tas-soltu li spikka fl-informatika diġitali. Waqt li qed naqra l-link, ftakart li digà kont qrajt din l-ittra miftuħa ta’ Jobs li kien kiteb fis-sodda tal-mewt. Kien ried jaqsam ħsibijietu f’mument ieħor vulnerabbli tal-ħajja. Nifhimha li xtaq jikteb testment pubbliku u dak li qasam fih hu ferm aktar għani mill-muntanja flus li għamel. Hu kliem tad-deheb.

    Għal darba oħra xtarrajt. Hemm ħafna x’tomgħod. Sa riċetta dwar x’għandu jkun il-qofol ewlieni tal-ħajja ipperskriva. Mingħajr ma trid ikollok taqra dak li kiteb bħala wirt darbtejn. Min jaf kemm f’ħidmieti bħala tabib esperjenzajt sitwazzjonijiet simili ta’ diżillużjoni… Lil Mary irringrazzjajtha, u rrispondejtha hekk: ‘Kliem mirqum b’valuri u realiżmu’.

    Li jmiss kien il-komunikazzjoni permezz ta’ messenger minn Ryan. Kien bagħtli video clip ta’ dak li stqarr David Camilleri. Diġà kont iltqajt ma’ share tal-post ta’ David li kien tela fuq Facebook. Imma erġajt ftaħtha u smajtu. Tkellem b’lingwaġġ li jiftiehem. Tkellem kif iħossha u mingħajr kantunieri. Ma marx għand videographer professjonali, anzi llapazza kif seta’ hu. Ma qagħadx ikun konformi mal-gwidi tal-mod kif għandu jippreżenta kontenut. Dak li qal diġà nafuh u ntqal minn diversi wċuħ, inkluż jien. Li hu differenti hu l-kuraġġ li kellu jgħid dak li hu fil-miftuħ, u ddeskriva b’mod ħaj dak li fil-fatt hu. Qed ngħid hekk għax illum tirrenja ċertu biża għal mod kif wieħed għandu jesprimi fehmtu għax inkella, min jaf, dak li hu tiegħek bi dritt ikollok titkarrab għalih jew ipattuhielek jew ikollok xi troll jippersegwitak. Din hi r-realtà tal-wiċċ l-ieħor tal-munita.

    Fi ftit kliem David laqat il-likk. Iddeskriva t-tbatijiet u l-isfidi. Iddeskriva l-abbandun ta’ ruħ soċjali. Iddeskriva d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-kbir u żżgħir. Iddeskriva l-vulnerabblità waqt il-ħajja ta’ kuljum…

    Dlonk waħda mill-ħafna ħutiet donna qabżet barra mill-ilma… Donna riedet tisfida dak li lkoll naċċettaw.