Il-poter u n-negozju: rabtiet perikolużi

    Hbiberija

    Huwa fatt li r-rabtiet bejn nies fil-poter u n-negozju għandhom storja twila ħafna u ssibhom kważi fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Sakemm tinżamm ċerta distanza bejn nies f’karigi pubbliċi importanti u n-negozjanti, m’hemm xejn ħażin. Imma meta dawn ir-rabtiet ikunu mill-qrib wisq u meta tinkiser ċerta etika, allura l-pajjiż ikollu l-problemi u, kultant, problemi kbar.

    Jidher ċar minn dak li ġie żvelat dan l-aħħar f’pajjiżna li sfortunatament hawn Malta kellna nies f’karigi pubbliċi li ma kinux kapaċi jiġġestixxu b’mod etiku u dinjituż il-poter li tagħtihom il-kariga tagħhom kif titlob kariga pubblika għolja. Jien ħdimt fis-servizz pubbliku għal kważi 41 sena u niftakar li l-ewwel ħaġa li rekluta ġdid kien jiġi mgħallem kienet li waqt il-qadi ta’ dmirijietu qatt m’għandu jagħti kunfidenza żejda lil xi membru tal-pubbliku u, iktar u iktar, m’għandu qatt jaċċetta pjaċiri jew rigali.

    Ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda

    Għalhekk, tassew niskanta kif f’dan il-pajjiż donnu rawwimna ġenerazzjoni ta’ nies f’diversi karigi pubbliċi li dan il-prinċipju fondamentali tal-ħajja pubblika jidher li ma jiffurmax parti mill-vokabolarju tagħhom. Sirna nafu dan l-aħħar, permezz tal-media, b’rabtiet mill-qrib ħafna u li jiksru kull sens ta’ etika u responsabbiltà bejn nies fil-poter u d-dinja tan-negozju: messaġġi kontinwi, ikliet, rigali, safar, eċċ. Anke tifel tas-sekondarja jaf li meta taċċetta xi pjaċir mingħand xi ħadd, tkun qed tpoġġi ruħek taħt obbligazzjoni lejh. U kulħadd jaf ukoll li n-negozjanti jagħmlu minn kollox biex iferrxu x-xibka ta’ kuntatti tagħhom ma’ nies fil-poter għax dan ikun ta’ ġid kbir għall-prospetti tan-negozju tagħhom.

    Ħa nagħmilha ċara li ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda. Hawn ħafna nies fil-poter kif ukoll nies tan-negozju li huma nies responsabbli u li jaġixxu f’kollox bl-etika mitluba mill-pożizzjoni tagħhom. Daqstant ieħor m’hemm xejn ħażin li wieħed ikun negozjant, anzi għandna nfaħħru lin-negozjanti tal-affari tagħhom li joħolqu l-impjiegi u ġid ieħor għal pajjiżna. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar rajna rabtiet mill-qrib wisq bejn id-dinja tan-negozju u l-kuriduri tal-poter.

    Ninnota b’sodisfazzjon li issa għandna gvern ġdid immexxi minn Dr Robert Abela li jidher li għandu rieda soda u ġenwina li jitlob l-ogħla standards ta’ responsabbiltà u etika minn dawk kollha f’xi kariga pubblika. Hekk għandu jkun. Ir-relazzjonijiet bejn id-dinja tal-poter u dik tan-negozju għandhom ikunu tajbin imma għandhom dejjem jinżammu fuq bażi uffiċjali għax ħbiberiji żejda u kuntatti mill-qrib wisq, ħsara biss jagħmlu.

    Meta nies fil-poter jimxu b’mod korrett man-negozjanti, jirbħu r-rispett tal-poplu kollu. Bil-maqlub, meta l-poplu jsir jaf bi stejjer bħal dawk li smajna bihom dan l-aħħar, ikollu biss disprezz għall-aġir ta’ min ma jafx jiġġestixxi l-poter li tagħtih kariga pubblika.
    Nittama li għalaqna l-bieb darba għal dejjem għat-tip ta’ aġir skorrett li ġara fil-passat u issa se nkomplu nimxu fit-triq it-tajba.