​Il-Poplu Jrid Gvern Laburista

    F’Malta  sfortunatament  hawn  ċerti  setturi  tas-soċjetà  li  donnu  qatt  ma  jaċċettaw  il-fatt  li  fil-gvern  ikun  hemm  il-Partit  Laburista.  Tarahom  jagħmlu  minn  kollox  biex  jimminaw  lill-gvern  mill-ewwel  ġurnata  li  jieħu  l-poter.  Ħa  nkun  ċar  u  nistqarr  li  jien  għandi  rispett  kbir  lejn  min  jappoġġja  lill-Partit  Nazzjonalista  jew  xi  wieħed  mill-partiti  ż-żgħar.  Dan  hu  dritt  sagrosant  tagħhom  għax  aħna  ngħixu  f’demokrazija.
    Min-naħa  l-oħra,  pero`,  huwa  totalment  inaċċettabbli  li  numru  żgħir ta’ nies jippruvaw f’kull okkażjoni  jimminaw  lill-Gvern  Laburista,  gvern  elett  bl-aktar  mod  demokratiku  u  b’maġġoranza  enormi.  Qed  naraw  ħafna  protesti  żejda  fit-toroq,  banners  imfamanti  li  jkerrħu  l-ambjent  u  kwistjonijiet  li  huma  maħluqa  apposta  biex  joħolqu  problemi  għall-Gvern  u  xejn  aktar. 
    Tgħiduli: “Mhux  liberta` tal-espressjoni  f’pajjiż  demokratiku?” –  Veru,  imma  naħseb  issa  ċerti  avversarji  tal-Partit  Laburista  qed  jesaġeraw u bl-esaġerazzjonijiet  tagħhom  qed  jheddu  d-demokrazija  kif  ukoll  il-futur  tal-pajjiż.  Kemm  se  ndumu  noħolqu  stampa  kerha  u  li  mhix  vera  tas-sitwazzjoni  f’Malta  u  nippruvaw  inbellgħuha  lill-barranin?  –  Kemm  se  ndumu  nikkritikaw  bl-aħrax  dak  kollu  li  jagħmel  il-Gvern? – Saħansitra  kien  hemm  min  ħoloq  problema  għaliex  il-Prim  Ministru  ta  somma  minn  fondi  pubbliċi  lil  Puttinu  Cares!     
    Qed  tipprova  tingħata  l-impressjoni  li  hemm  numru  kbir  ħafna  ta’  Maltin  li  xebgħu  mill-Gvern  Laburista.  Dan  mhux  veru.  Il-protesti  li  qed  isiru  mit-taparsi  socjeta` ċivili  huma  biss  protesti  organizzati  minn  grupp  ta’  estremisti  politiċi  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista.  Għaliex  taħsbu  li  qed  ikollhom  ftit  nies  fl-attivitajiet  tagħhom?  –  Sempliċement  għaliex  lanqas  huma  popolari  ma’  ħafna  min-Nazzjonalisti  stess  li  xebgħu  bil-politika  ta’  konfrontazzjoni  ta’  żmien  Dr  Simon  Busuttil  u  jridu  li  l-Partit  Nazzjonalista  jaqbad  triq  ġdida.  Ħarsu  lejn  ir-ritratti  ta’  diversi  protesti  tas-suppost  soċjeta` ċivili  u  lil  min  taraw  fuq  quddiem?  –  Il-klikka  ta’  Dr  Simon  Busuttil!
    Kulħadd  jaf  li  Dr  Adrian  Delia,  il-Kap  tal-Partit  Nazzjonalista,  xtaq  jibda  paġna  ġdida  għall-partit  tiegħu,  dik  ta’  koperazzjoni  mal-Gvern  Laburista  fl-aħjar  interessi  tal-pajjiż  u  kritika  kostruttiva  fejn  ikun  hemm  bżonn.  Sfortunatament,  l-estremisti  politiċi  li  għadhom  jimmilitaw  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista  mhumiex  iħalluh  jagħmel  dan.  Iridu  biss  konfrontazzjoni  mal-Partit  Laburista  fil-gvern  u  xejn  aktar.
    Qed  nara  wkoll  ċerta  ipokresija  fejn  għandha  x’taqsam  il-liberta`  tal-espressjoni.  Mela  li  jintużaw  l-aħħar sentenzi  li  kitbet  Daphne  Caruana Galizia biex jiġi  attakkat  il-Gvern  Laburista  huwa  aċċettabbli  imma  li  tuża  parti  mill-istess  sentenzi  biex  tagħmel  argument  favur  il-Gvern  mhuwiex  aċċettabbli  għal  ċerti  nies!  –  Irridu  niftakru  li  Daphne  kienet  tikteb  materjal  politiku,  mela  kulħadd  għandu  dritt  jattakka  dak  li  kienet  tikteb.  B’daqshekk  mhux  qed  nonqsu  mir-rispett  lejn  xi  ħadd  li  nqatel  brutalment  għax  aħna  l-kitba  nkunu  qed  nikkritikaw  u  mhux  il-persuna.
    Naturalment,  jien  mhux  qed  ngħid  li  l-Gvern  Laburista  huwa  perfett  jew  li  l-partitarji  Laburisti  huma  perfetti.  Per  eżempju,  ili  ngħid  li  l-Gvern  irid  jitjieb  fil-qasam  tal-governanza  tajba.  Kemm-il  darba  għidt  ukoll  li  ċerti  partitarji  Laburisti  jridu  jiftakru  li  mezzi  ta’  komunikazzjoni  bħall-Facebook  huma  pubbliċi  u  għalhekk  ma  jistgħux  jesprimu  dak  li  jħossu  bħallikieku  qegħdin  il-każin  jitkellmu  mal-ħbieb.  Għalhekk,  insulti,  allegazzjonijiet  bla  bażi  u  kliem  goff  mhumiex  posthom  fuq  Facebook  u  mezzi  oħra  ta’  komunikazzjoni  soċjali.  Ngħid  għalija,  niddejjaq  ħafna  nara  ċerti  kummenti  goffi  li  jsiru  dwar  l-Arċisqof.  Taqbel  jew  ma  taqbilx  miegħu,  trid  dejjem  tirrispetta  l-pożizzjoni  tiegħu.  L-Arċisqof  għandu  dritt  jesprimi  l-opinjoni  tiegħu  fuq  kollox,  inkluża  l-politika.  Fejn  ma  taqbilx,  uri  li  ma  taqbilx  imma  ieqaf  hemm.
    Għalhekk,  l-argument  tiegħi  huwa  wieħed:  il-Gvern  Laburista  huwa  gvern  leġittimu,  elett  demokratikament.  Kull  min  hu  ċittadin  Malti  għandu  l-obbligu  tal-lealta` lejn  l-għażla  tal-poplu.  Dan  ma  jfissirx  li  ma  tikkritikax,  li  ma  tmaqdarx  fejn  ikun  hemm  bżonn,  imma  jfisser  li  tuża  l-liberta`  tal-espressjoni  b’mod  responsabbli.  Daqstant  ieħor  il-Gvern  irid  jirrispetta  d-drittijiet  kollha  taċ-ċittadini  u  jaċċerta  li  min  jappoġġjah  iġib  ruħu  b’mod  li  jagħmillu  ġieħ.    
    Desmond  Zammit  Marmara`  huwa  Kunsillier  tal-Partit  Laburista  f’Ħal  Balzan  u  edukatur  irtirat.