Il-politika tan-nagħaġ trid tispiċċa!

    Niftakar, snin ilu, meta kont għadni nistudja l-Università, kont qed naħdem fuq it-teżi tiegħi għal Master’s degree fl-Edukazzjoni. Kont għażilt li nagħmilha fuq l-istorja tal-edukazzjoni tal-adulti f’Malta. F’dan il-qasam wieħed jiltaqa’, fost ħafna oħrajn, mal-kittieb Marxista Taljan ta’ żmien Mussolini u l-Faxxiżmu, Antonio Gramsci. It-teorija tal-Marxiżmu għandha ħafna difetti imma għandha wkoll xi punti interessanti ferm. Fil-fatt, Gramsci kien ħareġ bl-idea tal-“intellettwali organiċi” (“intellettuali organici”) li jkunu jiffurmaw parti mill- klassi soċjali tal-ħaddiema u jgħinuhom biex jifhmu l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà biex hekk jibdew jaħdmu biex itejbu ħajjithom. L-“intellettwali organiċi” jibqgħu dejjem parti minn dan il-grupp soċjali u ma jinqatgħux minnu.

    Naħseb li jekk nanalizzaw is-sitwazzjoni politika f’Malta llum, nifhmu kemm għandna bżonn minn dawn in-nies kritiċi li jgħinu lill-massa tan-nies ma jaċċettawx kollox u jħarsu lejn il-politika b’lenti kritika kostruttiva u mingħajr ma jpoġġu lil xi mexxej politiku fuq pedestall. Għax, ngħiduha kif inhi, il-problema ta’ Malta llum tinsab fil-fatt li ħafna nies iġibu ruħhom ta’ nagħaġ fidili fejn għandha x’taqsam il-politika. Kif nistgħu nimxu ‘l quddiem meta għad hawn ħafna nies bl-idea li ħażin li tiddiskuti l-problemi ta’ partit politiku bil-miftuħ għax hekk tkun qed tpaxxi lil tan-naħa l-oħra?

    Kif nistgħu nimxu ‘l quddiem meta quddiem żbalji serji politiċi l-unika reazzjoni ta’ ċerti nies hija li jisfidaw billi jgħajtu “viva dak” u “viva l-ieħor”?

    Rajna x’ġara fil-Partit Laburista meta numru ta’ nies poġġew mexxej fuq pedestall biex hekk ġie ikbar mill-partit inniffsu. Rajna x’ġara fil-Partit Nazzjonalista fejn l-aġir irresponsabbli ta’ klikka kissret partit. Fejn kienu l-intellettwali f’dan kollu? – Agħar minn hekk, kellek numru ta’ intellettwali li użaw l-influwenza politika tagħhom favur klikka jew oħra biex hekk aktar ħawdu l-borma u dardru l-ilma.

    Il-partiti politiċi huma tal-poplu kollu.

    Għalhekk, hemm bżonn djalogu miftuħ u pubbliku dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-politika. L-istrateġija elettorali tal-partiti politiċi biss għandha tibqa’ xi ħaġa interna. Mill-bqija għandu dejjem jiġi diskuss kollox bil-miftuħ u pubblikament. Ċerti nies ma jistgħux jifhmu li meta l-affarijiet jiġu diskussi biss internament f’partit, tkun qed taġevola l-klikka l-aktar potenti fil-partit għad-detriment tal-kumplament. Hija propju din l-idea żbaljata li wasslet għal dak li ġara fiż-żewġ partiti l-kbar dan l-aħħar.

    Però, biex nimxu ‘l quddiem kif qed ngħid, għandna bżonn l-għajnuna tal-“intellettwali organiċi” li jiggwidaw lill-massa. Mhux nispiċċaw kif rajna f’dawn l-aħħar snin fejn min żbalja l-fidili jmorru jċapċpulu jew anke jagħtuh “standing ovation”! – U hawn jidħol l-irwol importanti tad-delegati (jew “kunsilliera” kif isejħulhom in-Nazzjonalisti) tal-partiti politiċi. Hemm bżonn li jkollna delegati ta’ stoffa li bħalma suppost jitlob l-irwol tagħhom, ikunu huma li jixprunaw bidliet pożittivi fil-partiti. Id-delegati ma jridux ikunu hemm biex sempliċement iservu ta’ “rubber stamp” għal dak li jiġi ppreżentat lilhom mit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-partit.

    L-“intellettwali orġaniċi” hemm bżonn ukoll li naraw aktar minnhom fil-kitbiet imparzjali fil-ġurnali u fid-diskussjonijiet fuq ir-radju u t-televiżjoni.  Noqogħdu attenti mill-hekk-imsejħa “pseudo-intellectuals” li diġà għandna żżejjed minnhom. Dawn nies li jilagħbuha ta’ kummentaturi totalment imparzjali meta fil-fatt jagħmlu minn kollox biex imexxu ‘l quddiem l-aġenda tal-partit politiku li jkunu jappoġġjaw. Irridu nies li ġenwinament jaħdmu biex il-politiċi ma jinqatgħux minn man-nies komuni. Biex l-ebda politiku ma jitpoġġa fuq xi pedestall b’mod li jkun hemm baħar jaqsam bejn iċ-ċentru tal-poter u l-kumplament tal-poplu.

    Il-qofol ta’ dan kollu hija l-edukazzjoni politika tal-massa.

    Edukazzjoni li tibbaża fuq is-saltna tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet demokratiċi tal-poplu, it-tolleranza politika, u l-politika bħala servizz lill-oħrajn. Hawnhekk fejn jidħol l-irwol kruċjali tal-“intellettwali organiċi”.