Il-politiċi ta’ Facebook

    Unsplash

    F’dawn l-aħħar 10 snin il-midja soċjali nistgħu ngħidu li telqet timxi, kibret, u stabbiliet ruħha bħala norma ta’ kuljum, jekk sa ċerta punt ma saritx ukoll bżonn. Illum kważi kulħadd juża l-midja soċjali jew għal għan jew għal ieħor. Hawn nies li għalihom l-internet ifisser biss il-Facebook; jew Viber jew Twitter, jew Instagram u nistgħu nibqgħu sejrin. Tistgħaġeb tara nies illi tkun taf li ma humiex ta’ skola jew addirittura illitterati li xorta jagħmlu l-isforz biex ikollhom dak il-kont tal-Facebook. Min jużah biex jissindika u jkun jaf fuq għajru, min jużah biex jaqsam xi esperjenza, min xi ritratt ħelu tal-familja, min xi ħsieb, min biex iħabbar xi mewt u mitt ħaġa oħra.

    Il-politiċi tagħna f’din is-soċjetà żgħira li nagħmlu parti minnha ħasbu u dehrilhom illi l-midja soċjali tista’ tkun strument kif iżommu kuntatt mal-populin jew aħjar mal-kostitwenti tagħhom. Jien personalment nara ħafna paġni ta’ politiċi differenti minn partiti differenti li jikkomunikaw mal-oħrajn tramite l-midja soċjali partikolarment il-Facebook.

    Tieħu gost tara u taprezza posts bħal ma huma pereżempju tal-Ministru Evarist Bartolo fejn ta’ kuljum jaqsam ħsieb żgħir, ħafna drabi imnebbaħ minn dak li jkun għaddej madwarna. Itella’ wkoll artikli dwar ġrajjiet kurrenti. Tieħu gost taqra posts, imtella’ minn pereżempju politiċi tal-Oppożizzjoni li jpoġġu għall-għarfien tal-bqija l-mistoqsijiet parlamentari li jkunu għamlu u r-risposti tagħhom, flimkien ma’ xi argumenti dwar xi punt politiku. Tieħu gost tara posts pożittivi ta’ xi ġid li jkun qed isir mingħajr ħafna xinxilli żejda. Taqbel jew ma taqbilx ma’ dak il-politiku, l-użu minnu tal-midja soċjali jkun wieħed floku kif għandu jkun.

    Iżda jidher illi hemm politiċi li jaħsbu illi l-midja soċjali se tagħtihom xi terren politiku. Dan speċjalment hu validu għal għadd żgħir ta’ politiċi minn naħa tal-gvern li għalihom il-midja soċjali hi għodda ta’ ftaħir u pompa żejda biex mingħalihom jimpressjonaw lin-nies u jirbħu l-voti. Dan in-numru żgħir ta’ politiċi huma fl-opinjoni tiegħi dawk il-politiċi li internament iħossu li mhux sejrin daqshekk tajjeb mal-elettorat u li għalhekk bħal qarnita li ddur għal subgħajha jibdew jagħmlu dak li jistgħu biex jidhru sbieħ u bravi.

    Tarahom jitfgħu posts u ritratti bl-addoċċ fuq il-Facebook. Ħafna drabi jattendu għal attivitajiet organizzati minn entitajiet oħra bħalma huma kunsilli lokali li lanqas ikollhom x’jaqsmu magħhom, imma mbagħad erħilhom jippożaw quddiem il-kaxxa tar-ritratti u minn hemm dritt għal Facebook, b’ħafna ftaħir kummenti u xejxi. Ritratti mgħannqin ma’ kostitwenti anzjani; jew ma’ nies magħrufa biex f’għajnejn is-segwaċi tal-midja soċjali jidhru jew twajba jew bravi skont il-każ. Tara ftaħir ta’ suċċessi li ma jkunu suċċessi xejn, jew għax fil-verità jkunu ġew weħedhom jew għaliex ikunu mertu ta’ ħaddieħor.

    Finalment kultant tosserva li jiġu organizzati attivitajiet bla sugu li fi żmien ir-Rumani kienu jsejħulhom panem et circenses – li tfisser ‘ħobż u ċirklu’ għaliex il-ħobż u ċ-ċirklu huma żewġ attivitajiet li jaljenaw lin-nies iżda li fil-verità huma bla sugu – iżda li jservu ta’ okkażjoni tajba għal fotografi ta’ dawn il-politiċi li jħejjulhom ritratti adattati għall-midja soċjali.

    Kull għasfur jiftaħar b’rixu iżda, wkoll min ftaħar waqa’ l-baħar. U dawn il-politiċi li qed jużaw il-midja soċjali b’dan il-mod qed idejqu lin-nies, anzi kultant qed iservu merament ta’ dak li bl-ingliż jissejjaħ laughing stock; u hemm ċans tajjeb li jaqgħu l-baħar bħalma jgħid il-proverbju.

    Il-politiku għandu juża l-midja soċjali mhux għal ftaħir u biex mingħalih jiggwadanja hu biss, iżda wkoll biex ikun ħaġa waħda man-nies. Bħal f’kollox hemm limitu sa fejn wieħed jista’ jasal. emm limitu sa fejn tista tasal H Politiċi maturi josservaw dawn il-limiti u hekk jużaw il-midja soċjali u hekk għandu jkun.