Il-PN: Partit bla futur?

    Hekk kif Dr Adrian Delia ġie sfiduċjat minn maġġoranza tad-Deputati Parlamentari tiegħu stess, ħafna Maltin bir-raġun qed jinkwetaw dwar dan il-kollass ta’ wieħed mill-partiti politiċi l-kbar f’pajjiżna. Inkwetanti wkoll kif grupp ta’ Nazzjonalisti sew fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess u anke barra mill-Partit ilhom żmien jagħmlu kruċjata biex jeħilsu minn Dr Adrian Delia.

    Kif jista’ qatt wieħed ikollu fiduċja f’partit politiku fejn numru sostanzjali ta’ Deputati Parlamentari lanqas biss jirrispettaw l-għażla demokratika li tkun saret mit-tesserati tal-partit? – Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax ma jinnotax li Dr Delia wera ruħu Kap dgħajjef li qatt ma rnexxielu jġib l-għaqda fil-partit li jmexxi u li, kemm ilu Kap, qatt ma seta’ jeħles minn ċerti dellijiet li hemm fuqu u li wasslu biex numru ta’ nies iħarsu lejh bħala bniedem mhux denju li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Il-każ riċenti tal-allegati messaġġi mingħand Yorgen Fenech kompla għarraq din il-perċezzjoni ta’ min m’għandux fiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

    Meta mbagħad tħares lejn il-Partit Laburista u tara kif dan irnexxielu jitnaddaf minn kull irbit ma’ min kien hemm l-inqas dell fuqu ta’ korruzzjoni jew aġir ieħor mhux aċċettabbli u tapprezza kif qed jinbidlu n-nies mingħajr skossi kbar, ma tistax ma tasalx għall-konklużjoni li llum hemm abbiss kbir jifred liż-żewġ partiti politiċi l-kbar. Filwaqt li l-Partit Laburista jidher li riesaq lejn aktar suċċessi elettorali u l-Gvern Laburista lejn aktar kisbiet għall-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista jidher li tilef il-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u probabbli jridu jgħaddu ħafna snin qabel jerġa’ jsir qawwa politika b’saħħitha.

    Din sitwazzjoni li mhix tajba la għad-demokrazija u lanqas għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.