Il-PM irid iżomm ’il bogħod minn Joseph Muscat u Konrad Mizzi

    Wasal iż-żmien li nitkellmu ċar u bla kantunieri: Robert Abela jrid iżomm lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi ’l bogħod minnu jekk irid jirnexxi bħala Prim Ministru. Naf li numru sostanzjali ta’ Laburisti jirraġunaw li Joseph Muscat ta lill-Partit Laburista bosta rebħiet elettorali memorabbli u Konrad Mizzi kien wieħed mill-Ministri l-aktar kapaċi u effiċjenti. Madankollu, bħalma dejjem inħobb infakkar, irridu bħala Laburisti nirraġunaw b’moħħna u mhux bl-emozzjoni.

    Ikollna nammettu, anke jekk uħud ma jeħdux gost jagħmlu dan, li llum isem Joseph Muscat ħafna Maltin u, wisq aktar, barranin jassoċċjawh ma’ nuqqas ta’ governanza tajba u r-rabta tal-uffiċċju tiegħu mal-avvenimenti marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Min-naħa l-oħra, isem Konrad Mizzi huwa marbut mal-iskandlu tal-Panama Papers.

    Iva, forsi inti dak l-attivist, għomrok u żmienek timmilita fil-Partit Laburista, li Muscat tak żidiet fil-pensjoni li qabel kont biss toħlom bihom. Forsi int dik il-membru tal-Partit li Konrad Mizzi, bil-ħidma tiegħu, raħħaslek il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u tak enerġija nadifa. Xorta jibqa’ l-fatt li ħafna nies, b’ġustifikazzjoni, mhux dawn l-affarijiet iqisu l-ewwel imma l-ħsara li saret lil isem pajjiżna, jiġifieri Malta.

    Għalhekk, ikun għaqli ħafna l-Prim Ministru Robert Abela jekk iwarrab għal kollox lil Joseph Muscat u Konrad Mizzi mill-ħidmiet tal-Gvern Laburista. B’dispjaċir dejjem għax ħadd minna ma jieħu gost b’azzjonijiet iebsin bħal dawn imma hekk hemm bżonn li jsir. Inkella l-Gvern Laburista qatt mhu se jirbaħ lura r-rispett u l-appoġġ ta’ ħafna Maltin u Għawdxin. Qatt mhu se jitnaddaf isem Malta quddiem il-barranin.

    Żminijiet diffiċli dejjem jirrikjedu deċiżjonijiet iebsin imma bżonnjużi. Il-Partit Laburista fil-gvern għadda minn burraxka kbira li setgħet anke kissritu. Baqa’ magħqud, baqa’ sod u b’saħħtu. Issa rridu nkomplu nibnu fuq hekk. Għall-pajjiż, għall-Partit, għall-Maltin u Għawdxin kollha.