Il-pjaga tal-politika Maltija: it-“trolls”

    Sfortunatament, is-social media ġabet magħha żvilupp negattiv ħafna fil-politika Maltija: it-“trolls”. Min huma t-“trolls”? – It-“trolls” huma nies li għax ma jaqblux ma’ dak li tikteb, joffenduk u jgħaddu kummenti li l-iskop tagħhom huwa biss li jipprovokaw u jirrabbjaw lil dak li jkun.

    Uħud tant jaqgħu fil-baxx li bil-kummenti tagħhom saħansitra jippruvaw jagħmlulek il-ħsara professjonali u anke personali. Naturalment, l-ikbar żball li wieħed jista’ jagħmel huwa li jirrispondihom u jidħol f’argument magħhom għax dak huwa propju li jkunu jridu ħalli aktar ikunu jistgħu joffendu u jipprovokaw bi kliemhom.

    Hija ħasra li tara fis-sezzjoni tal-kummenti tal-portals tal-aħbarijiet ħafna nies li jaħlu tant ħin jippruvaw jargumentaw ma’ min l-iskop tiegħu huwa li jgħid li l-iswed huwa abjad u l-abjad huwa iswed! – Ħafna drabi t-“troll” jidderiġi l-argument barra mis-suġġett u fid-direzzjoni li jixtieq hu u min ikun qed jargumenta miegħu jibla’ l-lixka bħal mazzun u jaqa’ fin-nasba li jkun ippreparalu t-“troll”.

    It-“trolls” juru wkoll ċertu disprezz lejn min ma jaqblux miegħu. Hekk, per eżempju, ħafna drabi jindirizzawk b’kunjomok u mingħajr “Sur”, “Sinjura” jew “Sinjorina” qabel ismek. Dan għax meta tindirizza lil xi ħadd b’kunjomu biss, tkun qed twaqqgħu fl-estimazzjoni tiegħu quddiem ħaddieħor. Allura, kemm-il darba ssib kummenti bħal: “Tgħidx ħmerijiet, Micallef!” jew “Ħallina, Vella!” – F’kelma waħda, id-diskors tal-pastaż u min hu nieqes mill-edukazzjoni.

    Illum aħna dejjem nisħqu fuq il-libertà tal-espressjoni. Ngħidu li kulħadd għandu dritt jgħid li jrid. Naqbel biss sa ċertu punt. Ma rridux niċċensuraw l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Però, naħseb li jkun tajjeb kieku mmorru lura għall-passat fejn l-edituri kienu ma jippubblikawx materjal meqjus offensiv u mhux etiku. Għiduli x’ġid qed nieħdu billi taħt l-artikli li jidhru fil-ġurnali online nippermettu ċerti kummenti?

    Ġieli jkollok artiklu veru tajjeb imbagħad taħtu ħafna tgħajjir xejn edifikanti!

    Ma ninsewx li ħafna mill-polarizzazzjoni politika ġejja propju minn xogħol it-“trolls” politiċi. Kemm-il darba tara xi kumment tajjeb imbagħad xi “troll” li jirrispondih hekk: “Injurant! – Tparlax fil-vojt!” u jkompli joffendi bi kliemu. Kliem iddisinjat propju biex iġib il-firda u biex idaħħal l-estremiżmu fil-politika.

    Għalhekk, hemm bżonn li l-partiti politiċi jisħqu fuq il-fatt li t-“trolls” ħsara biss qed jagħmlu u żgur mhumiex qed jimxu mal-ideali politiċi tal-maġġoranza tal-partiti politiċi Maltin. L-idea li għandhom xi nies li t-“trolls” huma mqabbdin mill-partiti politiċi stess hija totalment falza. Il-partiti politiċi għandhom nies imqabbdin apposta biex jirrispondu lil ħaddieħor imma dawn jagħmlu hekk b’argumenti sodi u bla ma joffendu lil ħadd. Meta toffendi, titlef il-voti u mhux tirbaħhom.

    Se tiġbed lil xi ħadd lejk billi toffendih? – Daż-żgur li le!

    Ejjew kollha nikkundannaw lil min ma jirrispettax id-demokrazija u jipprova jirredikola lil min għandu opinjoni politika differenti minnu.