Il-pjaga ta’ akkomodazzjoni affordabbli

    Kien filgħodu qabel ma naqbad triqti għax-xogħol, miexi fit-triq waqt li qed nirritorna d-dar b’xirja mingħand tal-merċa. Hekk kif qrobt, waqqafni raġel li kont naf, imma li ma kontx midħla tiegħu sew. Kien xi ftit snin iżgħar minni. Waqaft biex nisimgħu.

    “Tabib, ili naħdem ħajti kollha mal-imgħallem,” qalli pront “u wasalt f’punt fejn jien u l-mara ntbaħna li meta se nkunu pensjonanti mhux se nkunu nifilħu biex inħallsu l-kera tal-post fejn noqogħdu għax il-kera se tikolielna l-pensjoni” qalli b’vuċi mriegħda. “Imma kif jista’ jkun jekk aħna diġà nħallsu €430 fix-xahar kera?….B’żewġ pagi nġaħġħuha imma meta naslu f’dik l-età x’ser jiġri minna? Sa dakinhar, il-kera tkun reġgħet għoliet aktar.” Kien imqanqal u sogħbien.

    Kien wieħed minn ħafna li sabuni u qasmu s-saram tagħhom wara li tħabbret il-konsultazzjoni tal-Gvern dwar il-White Paper fuq il-kirjiet tad-djar. Ħafna nies f’din is-sitwazzjoni huma mifxula. Rashom mhix mistrieħa u l-Gvern ilu wisq ikaxkar saqajh biex isolvi din il-pjaga soċjali.

    Hu ċar f’moħħ ħafna nies, li qabel ma jinħarġu emendi mil-liġi li għandhom jagħtu direzzjoni bilanċjata lil dan is-settur, il-Gvern fil-baġit tat-Tnejn irid jibda jirrimedja s-sitwazzjoni minn issa u mhux joqgħod jistenna tibdil propost fil-liġi. Kaxkar saqajh wisq f’dan is-settur soċjali.

    Għalhekk qed nipproponi u nistenna li l-Gvern fil-baġit għandu:

    1. jintroduci mudell ta’ rent-to-buy b’self ta’ imgħax baxx issussidjat jew l-ebda imgħax, dejjem taħt ċertu kundizzjonijiet, biex b’hekk aktar Maltin u Għawdxin isiru sidien ta’ djarhom. Fil-preżent għandna 20% tal-familji li mhumiex sidien ta’ djarhom u dan se jiżdied jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.
    2. jintroduci l-kunċett ta’ social housing tax lil min jibni għoli ħafna jew inkella jkollu jagħti persentaġġ mill-iżvilupp bħala akkomodazzjoni soċjali u hawn qed nirreferi l-aktar għal dawk in-negozjanti li qed igawdu minn ‘għotjiet sussidjati’ ta’ art pubblika.
    3. jinħolqu skemi biex appartamenti vojta jiġu mikrija għall-akkomodazzjoni soċjali b’inċentivi li jkopru bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-sid u tal-kerrej jew xerrej.
    4. it-testijiet tal-mezzi jinbidlu minnufih biex ikopru aktar familji u għalhekk is-sussidju fuq kirjiet residenzjali (test tal-mezzi €9,000 f’sena) u l-eliġibiltà għall-akkomodazzjoni soċjali (test tal-mezzi €12,000 f’sena) jiżdiedu. Ejja nieqfu nidħqu bin-nies meta n-nies li huma fir-riskju tal-faqar qed jiżdiedu.
    5. jinħarġu aktar skemi ta’ sussidju fir-restawr ta’ djar antiki biex titħares id-dar tipikament Maltija, meta dawn jinxtraw minn familji bħala residenti fihom.
    6. il-Gvern jikkoreġi darba għal dejjem l-inġustizzja li saret ma’ ċertu sidien li kellhom djar rekwiżizzjonati. Qed jinqeda b’abbuż ta’ poter li qatt ma kellu jkun.
    7. jinħarġu skemi ta’ Public Private/Social Partnership adonji biex il-housing units jiżdiedu skont prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

    B’dawn il-miżuri nkunu qed noħolqu opportunità biex kull familja tilħaq il-milja tagħha, b’mod partikolari:

    • iż-żgħażagħ li m’għandhom qatt ċans li jkollhom propjetà tagħhom mingħajr għajnuna,
    • dawk il-familji li d-dħul tagħhom hi paga medja u li ġeneralment jispiċċaw skjavi tal-loan tagħhom sal-pensjoni,
    • u jolqot ukoll, lil dawk ’il fuq minn 2,000 applikant li se jibqgħu b’xiber imnieħer mill-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali li jiswa €58 miljun u li sa fl-aħħar jidher li wasal, wara li ilu jiġi mwiegħed minn baġit għall-ieħor għal aktar minn erba’ darbiet.
    • ngħinu familji li huma ta’ mezza età li għexu ħajjithom fil-kiri.
    • neqirdu l-fatt li għandna numru ta’ familji li qed jgħixu f’garaxxijiet.

    Li jkollok saqaf fuq rasek hu dritt fundamentali u minn Gvern li hu favur in-negozju (pro-buisness) nistennew li l-kunċett ta’ akkomodazzjoni affordabbli jiġi rimedjat f’dan il-baġit stess.