Il-Phoenix

    Regina u Chris Catrambone ma kienux magħrufa mal-poplu Malti u mad-dinja qabel involvew ruħhom f’att umanitarju kbir. Kif spjegat f’intervista li kellha s-sinjura Catrambone, kienu fil-Mediterran fuq jott igawdu l-vaganzi tagħhom meta lemħu xi ħaġa fil-baħar. Staqsew u saru jafu li kienet ġaketta probabli ta’ persuna li kienet tilfet ħajjitha fil-Mediterran meta kienet qed taqsam mill-Afrika ta’ fuq lejn l-Ewropa flimkien ma’ eluf oħra li messithom l-istess xorti.
    Wara din l-esperjenza raw lill-Papa Franġisku jagħmel appell wara waħda mit-traġedji li seħħew qrib Lampedusa, sabiex min jista jgħin f’din is-sitwazzjoni tal-biki joffri l-għajnuna tiegħu. Dan kien il-punt tat-tluq sabiex bdiet il-missjoni msejħa MAOS (Migrant Offshore Aid Station). Kif jispjega l-isem huwa stazzjon li jagħti l-għajnuna.
    Il-vapur Phoenix huwa iċ-ċentru ta’ din l-operazzjoni li waslu għaliha il-koppja Catrambone. Vapur armat b’dinghies u bi drones li se jintużaw sabiex isibu u jgħinu persuni li jsibu ruħhom  fl-ibħra meta d-dgħajjes li jkunu fuqhom jagħmlu l-ilma jew jgħerqu. Jittellgħu mill-baħar u jitwasslu l-art.
    F’intervista li kellu Chris Catrambone, minn New Orleans, fl-Istati Uniti qal li huma qed jiktbu l-Istorja f’iktar minn mod wieħed għaliex qed jużaw vapur mhux militari (ċivili) għal operazzjoni ta’ din ix-xorta u ukoll huwa vapur armat b’teknoloġija avanzata. Stqarr li dan huwa ukoll mod innovattiv kif jgħinu f’dawn is-sitwazzjonijiet u li huma qed jagħmlu xi ħaġa li ħadd ma għamel bħala qabel.
    Il-mod li l-Phoenix se jkun qed jagħti l-kontribut tiegħu huwa li meta jiltaqa’ ma’ dgħajsa mimlija bl-imigranti fl-ibħra internazzjonali, il-vapur jagħmel kuntatt ma’ l-awtoritajiet l-aktar fil-qrib kif inhu obligat li jagħmel u jistenna struzzjonijiet. Waqt din l-istennija, jgħatu l-għajnuna li jistgħu lil dawk fil-bżonn billi joffru ilma, ikel u xi assistenza medika. Fuq l-istess vapur hemm persuna mħarrġa bħala paramediku u tkun tista tgħati l-ewwel għajnuna u forsi ukoll naqra aktar sa ma l-persuna mweġġa’ titwassal sa sptar jew klinika.
    Imma fiċ-ċirkostanza li d-dgħajsa tkun qed tagħmel l-ilma jew f’periklu ieħor, il-Phoenix itella n-nies abbord sakemm tasal fuq il-post il-patrol boat tal-pajjiż li se joħodhom l-art. L-importanti lin-nies li jkunu fil-periklu jkunu salvati. Tajjeb li ngħidu li waqt li din l-inizjattiva hija purament ċivili, d-Direttur huwa l-ex-Kmandant tal-Forzi Maltin u hemm membri ta’ l-ekwipaġġ li għandhom esperjenza kemm fl-Armata, fuq il-baħar u ukoll esperjenza ta’ kura medika.
    Proġett bħal dan ma jsirx bi ftit flus u kien irrappurtat li l-ewwel sittin jum ta’ l-operat se jiswa żewġ miljun Ewro. Issa wieħed irid jaħseb għas-sostenn ta’ din l-operazzjoni. Naħseb li l-imħuħ warajh diġa ħasbu għal dan u diġa hemm kumpaniji li lesti joffru l-għajnuna tagħhom. Imma tagħmel sens kieku inizjattiva bħal din issir inizjattiva nazzjonali fejn kemm jista jkun nies jikkontribwixxu lejha u anke jsiru programmi ta’ ġbir kif isiru għal setturi oħra.
    Imma kif dejjem għidna, l-Ewropa kollha għandha tħossha responsabbli lejn dawn il-persuni li minħabba ċ-ċirkostanzi li hemm f’pajjiżhom m’għandhomx għażla ħlief li jitilqu u jfittxu li jibdew ħajja aħjar f’pajjiżi oħra. Din l-inizjattiva trid tkun inkluża ma’ dawk l-inizjattivi kollha li l-Unjoni Ewropea tieħu sabiex dawn il-persuni jkunu salvati. Biss jekk id-direttiva magħrufa bħala d-Dublin II tibqa bla reviżjoni, ma tantx hemm futur għal dawk l-imigranti li jaslu Malta. Nixtieq nara kif il-Phoenix u l-Frontex Plus se jaħdmu flimkien. Fuq kollox, bħall-dejjem: fejn hemm il-għaqda hemm is-saħħa.

    Sina Bugeja