Il-pesta tas-soċjetà moderna

    REUTERS/Loren Elliott

    Sa ftit xhur ilu, ħadd ma kien realistikament ibassar li se naffaċjaw pandemija li kienet se ġġib l-ekonomija globali għarkopptejha. Però, u ma rridx inkun kontroversjali, din il-pandemija ma biddlet kważi xejn minn kif konna għaddejjin qabel faqqgħet. X’jiġifieri?

    Il-virus tal-COVID-19 kompla jikxef b’mod iktar apert virus soċjali li ilu snin jipperikola l-ħajjiet tan-nies. Qed nirreferi għas-sistema ekonomika li tiddetermina l-prijoritajiet politiċi li jiddominaw is-soċjetajiet Ewropej, inkluż f’Malta. Qed nirreferi għall-klima neoliberali li ngħixu fiha mibnija fuq kapitaliżmu aċċellerat u loġika ta’ kompetizzjoni, li jħarsu biss lejn profitti, tkabbir ekonomiku, suq ħieles, u joħolqu relazzjoni intima u perikoluża bejn intrapriżi kbar u l-politika.

    Din hi s-sistema li ngħixu fiha, li hi l-kawża diretta ta’ numru ta’ pjagi soċjali li komplew jiggravaw u jidhru b’mod sfaċċat f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Infatti, din l-istess sistema tkompli ssaħħaħ lilha nnifisha billi tfittex li – litteralment – tikkapitalizza minn kull kriżi li l-umanità ssib ruħha fiha. Dak li jagħmel din is-sistema ekonomika u politika daqstant diffiċli biex tattakkaha u tirreżistiha hija appuntu l-kapaċità li għandha li tittrasforma u tinkorpora għal gwadan tagħha fatturi li jistgħu jisfidawha.

    L-ikbar krudiltà ta’ din is-sistema hija li l-mod kif tkisser il-valur tal-ħajja umana. Din hija paradossali għax, filwaqt li din is-sistema hija meqjusa bħala x-xempju ta’ soċjetà żviluppata (speċjalment wara l-gwerra bierda), hija din l-istess sistema li b’mod dirett tipperikola ċertu ħajjiet, tipprijoritizza ħajjiet fuq oħrajn, u tagħmilha eħfef għal xi wħud li jgħixu waqt li tagħmilha impossibbli għal oħrajn li jeżistu.

    Din is-sistema mhux talli ma ġġarrfitx b’din il-pandemija, iżda talli kompliet tissaħħaħ. Innutaw kif, ftit jiem biss wara li feġġ dan il-virus f’pajjiżna u bdejna naraw l-introduzzjoni tal-ewwel restrizzjonijiet, id-diskors ekonomiku mill-ewwel beda jirrenja.

    Filwaqt li n-nies kienu għadhom qed jirreaġixxu b’xokk għal dak li kien qed jiżviluppa, l-uffiċjali tal-kummerċ malajr libsu l-ġlekk u l-ingravata, ħarbxu r-rapporti dwar l-aspettativi tagħhom u, b’arja liema bħalha, pretendew li jistgħu jżommu l-gvern ostaġġ u jobbligaw lilna li nħallsu t-taxxi biex noħorġu għonqna għalihom. Bi dritt ippretendew li, jekk kulħadd kellu jintlaqat b’mod negattiv minn din il-pandemija, huma jkunu dawk li ma jintmessux minn dawn il-problemi tal-‘popolin’.

    Dawn huma l-istess nies li jridu jikkonvinċuna li hu għal ġid tagħna li nħalluhom itellgħu lukanda b’sitt stilel u li jeħtieġ nagħtuhom l-art bl-irħis. Dawn huma l-istess nies li qalulna ngawdu x-xemx tal-profitt ġaladarba qed tiżreġ. U tiżreġ għadha, għax bin-nies maqfulin ġo darhom, it-tħaffir ma jaqtax u bosta nies għadhom jissaportu din l-iskumdità kbira waqt li tittella’ blokka wara oħra.

    Ħalli niftehmu sew: bl-ebda mod ma jien qed nipponta subgħajja lejn sidien ta’ negozji żgħar li, mil-lum għal għada kellhom jagħlqu l-ħanut tagħhom, tilfu ħafna flus jew saħansitra tilfu xogħolhom, sabu ruħhom ibatu biex ilaħħqu mal-kera u jitimgħu l-familji tagħhom. Qalbi toħroġ għal dawn in-nies; l-istess qalb li tħabbat b’rabja lejn l-aġenti kapitalisti li qed jisfruttaw din il-kriżi. Ħa nagħti xi eżempji.

    Imwiet kapitalisti

    L-impjiegi u x-xogħol huma l-mod kif ħafna minna nistgħu ngħixu u nkampaw ġos-soċjetà. Naturalment, mhux kull impjieg huwa l-istess. Filwaqt li wħud qegħdin f’impjieg sikur u jistgħu jaħdmu fil-kumdità, oħrajn għandhom impjiegi prekarji. Ma rridux inħarsu biss lejn il-persentaġġ ta’ qagħad ta’ pajjiż iżda lejn il-kwalità ta’ impjiegi li jeżistu. Uħud jaħdmu ħafna iktar sigħat minn kemm suppost, u filwaqt li xi pajjiżi qed jitkellmu dwar erbat ijiem ta’ xogħol fil-ġimgħa (flok ħamsa), oħrajn dejjem iżidu s-sigħat ta’ xogħol u jnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Dan iwassal għal bosta inċidenti li naraw iseħħu fuq postijiet ta’ xogħol – imwiet kapitalisti.

    F’din il-pandemija, din ir-realtà qed narawha b’mod iktar dirett. Filwaqt li wħud jistgħu u ‘jaffordjaw’ jaħdmu mid-dar u għandhom l-impjieg u l-paga tagħhom sikuri, ħaddiema oħra madwar id-dinja ‘żviluppata’ m’għandhomx l-istess drittijiet ta’ protezzjoni u saħansitra jkollhom jaħdmu (uħud mingħajr ma jingħataw l-apparat protettiv neċessarju, ma jmurx min iħaddem jitlef xi ċenteżmu żejjed) u jipperikolaw ħajjithom. Qed ngħixu f’dinja fejn għalkemm kulħadd se jmut, uħud huma iktar esposti għall-mewt minn oħrajn.

    Politika tal-ħajja u mewt

    Din hi l-politika tal-ħajja u l-mewt li tirrenja s-soċjetajiet moderni. Nistgħu nsaqsu mistoqsija simili dwar il-vittmi tal-COVID-19: hemm korrelazzjonijiet bejn ir-rata ta’ infezzjoni jew mwiet u l-kuntest soċjali li l-vittmi kienu jgħixu fih?

    Nerġa’ ngħidha: din il-pandemija ma biddlitx wisq dwar is-soċjetà li ngħixu fiha; anzi, kompliet turina b’mod ċar il-problemi serji fis-suppost ‘normalità’ li kienet qed tirrenja qabel il-pandemija. Pereżempju: qed isir ħafna diskors dwar il-‘vulnerabbli’ (bħallikieku hawn xi ħadd li hu assolutament invulnerabbli). Però, dawn il-gruppi soċjali dejjem jintlaqtu ħażin, bil-pandemija jew mingħajrha: l-anzjani, persuni b’mard kroniku, persuni b’diżabilità, persuni bi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, persuni li jħossuhom waħedhom mingħajr relazzjonijiet soċjali; vittmi ta’ vjolenza domestika, eċċ. Din il-pandemija kompliet turina kemm il-politika li tirrenja s-soċjetà tagħna fadlilha ħafna x’tagħmel biex tiggarantixxi l-ugwaljanza u l-inklużjoni ta’ kull membru tas-soċjetà.

    In-normalità li kienet tirrenja qabel il-pandemija rajniha tkompli timmanifesta ruħha fil-mod kif pajjiżna rreaġixxa għad-dgħajjes b’immigranti. Dażgur li hija kumplessa s-sitwazzjoni; dażgur li huwa inġust il-mod kif l-Unjoni Ewropea mhijiex turi solidarjetà. U sfortunatament dan mhuwiex sorpriża, għax l-Unjoni li l-UE tgħid li hi hija propju Unjoni Neoliberali li primarjament tiggarantixxi l-istatus quo kapitalist. Intant, kumpaniji privati tad-dgħajjes jiġġieldu dwar min se jingħata l- opportunità jaqla’ lira minn din it-traġedja umana. Il-flus qabel il-ħajja.

    Aqbad il-barri minn qrunu

    Minflok jipprova joħroġ ta’ bully u macho, ikun aħjar li l-gvern Malti jaqbad il-barri minn qrunu u jipponta subgħajh, mhux lejn l-immigranti bla saħħa bejn sema u ilma, imma lejn il-qafas ekonomiku u politiku li hu l-problema vera. U jekk il-politiċi ma joqogħdux attenti u kawti fil-mod kif jużaw id-diskors, ikunu qed jissugraw polarizzazzjoni perikoluża ħafna li ma twassal għal xejn ħlief mibgħeda distruttiva.

    Fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, nitkellmu u nirriċerkaw dwar il-kunċett ta’ wellbeing, u nenfasizzaw li l-mod kif aħna nħossuna bħala individwi huwa marbut mal-kuntest soċjali li ninsabu fih. Għaldaqstant, meta nippruvaw nifhmu problemi individwali, dejjem narawhom fil-qafas soċjo-politiku tagħhom. Huwa għalhekk li din il-kritika hija importanti, sabiex tgħinna nifhmu u nbiddlu dawk l-istrutturi soċjali li qed joħonqu l-bnedmin milli jiffjorixxu b’mod dinjituż.

    Biex nagħlaq, filwaqt li nifhem li din il-pandemija ġabet magħha diffikultajiet ġodda, urietna b’mod iktar ċar ix-xquq li kienu diġà preżenti fis-sistema ekonomika u politika dominanti qabel inqala’ dan kollu. Kif jgħidu xi teoristi politiċi, kultant huwa iktar faċli li nimmaġinaw tmiem id-dinja milli t-tmiem tal-kapitaliżmu.

    Jekk tixtieq tistudja mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà kkuntatjana fuq socialwellbeing@um.edu.mt jew www.facebook.com/um.socialwellbeing/ 

     

    Dr Kurt Borg huwa Research Support Officer ġewwa l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.