Il-Partit Nazzjonalista bla futur

    Huwa inkredibbli li jidher ċar li wara l-kriżi nazzjonali li ħakmet lil pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur, il-Partit Laburista se joħroġ minnha aktar magħqud u b’mexxej ġdid li se jibda t-triq lejn rebħa elettorali kważi ċerta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Min-naħa l-oħra, minkejja xi gwadann żgħir, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda baqa’ dgħajjef, maqsum u mhux fdat mill-maġġoranza assoluta tal-poplu.

    Ngħiduha kif inhi, wieħed kien jistenna li l-Partit Nazzjonalista jkun f’pożizzjoni ħafna aktar b’saħħitha wara l-burraxka li għadda minnha l-Partit Laburista fil-gvern. Dan mhuwiex il-każ, anzi naħseb li kollox qed juri li s-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar għall-Partit Nazzjonalista.

    Għaliex il-PN jinsab f’din is-sitwazzjoni? – L-ewwelnett, Dr Adrian Delia, il-Kap tal-Partit, falla bil-kbir milli jgħaqqad liż-żewġ fazzjonijiet fi ħdan il-PN, jiġifieri l-partitarji tiegħu u dawk li għadhom jappoġġjaw bil-miftuħ lil Dr Simon Busuttil. It-tieni, għandek numru sostanzjali ta’ nies ta’ opinjoni Nazzjonalista li jimmilitaw fi gruppi bħal “Repubblika” u “Occupy Justice” u li flimkien mal-blogger Manuel Delia jimxu għal rashom u jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li jgħid Adrian Delia. Għandek ukoll il-familja influwenti ta’ Daphne Caruana Galizia li hi kritika ħafna ta’ Adrian Delia.

    Biex iktar jinħoloq inkwiet għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, diġà smajna li hemm ċans li jinħoloq partit politiku ġdid fi ħdan dawk ta’ opinjoni Nazzjonalista imma li ma jridux ikollhom x’jaqsmu mal-PN sakemm Dr Adrian Delia jibqa’ l-Kap tiegħu. Jekk dan iseħħ, ikompli jiżdied it-taħwid fil-kamp Nazzjonalista. Biex aktar l-ilma jiddardar, issa ntqal ukoll pubblikament li l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku mistennija jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala partit politiku wieħed. Dan ikompli jdgħajjef il-forzi tal-Oppożizzjoni għaliex din hi biss għaqda ċinika ta’ konvenjenza għaliex l-għanijiet politiċi tal-Alternattiva Demokratika u dawk tal-Partit Demokratiku mhumiex l-istess u ma nistax nifhem kif waslu għal din id-deċiżjoni mingħajr l-inqas bażi ta’ loġika warajha.

    Kollox jindika li għad iridu jgħaddu snin kbar qabel xi darba l-PN jerġa’ jkun fil-gvern. U dan jekk ikun għadu jeżisti fil-ġejjieni!