Il-Partit Laburista se jibqa’ b’saħħtu

    Bħalissa fil-media għaddejja mewġa ta’ aħbarijiet foloz (“fake news”) maħsuba biex in-nies jibdew jaħsbu li l-Partit Laburista qed jitlef l-appoġġ fost il-poplu u biex jagħtu palata lil Dr Bernard Grech issa li laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hawn min qed jipprova jagħti l-impressjoni li Dr Bernard Grech ġab miegħu xi rinaxximent fil-PN filwaqt li Dr Robert Abela qed jitlef mill-popolarità u l-PL għandu l-problemi.

    Attenti wkoll minn surveys li minkejja li jinħadmu mingħajr skopijiet ulterjuri, għandi d-dubbji fuq kemm huma korretti.

    Bqajt imbellaħ meta qrajt fuq ġurnal online li skont survey riċenti, il-Partit Laburista naqqas l-appoġġ anke f’postijiet bħaż-Żejtun! – Jien noqgħod iż-Żejtun u naf tajjeb li dan raħal fejn il-Partit Laburista minn dejjem kien b’saħħtu ħafna u għadu hekk sal-lum. Ma nafx hawnx xi raħal ieħor jismu hekk fil-Gżejjer Maltin fejn forsi sar dan l-allegat survey għax, sa fejn naf jien, iż-Żejtun li noqgħod fih jien huwa fortizza kbira Laburista fejn għandek komunità ta’ nies li japprezzaw ferm dak kollu li l-Partit Laburista għamel għalihom tul is-snin, għadu jagħmel u se jibqa’ jagħmel.

    Nagħmel appell mhux biss lil-Laburisti imma lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba: “tħallux lil min jinfluwenzakom b’informazzjoni dubbjuża jew b’aħbarijiet foloz għax mhux veru li l-Partit Laburista qed imajna u l-Partit Nazzjonalista f’daqqa waħda ħa r-ruħ u reġa’ qed isir, ftit ftit, xi qawwa politika”. Iva, wieħed m’għandux ikun kunfidenti żżejjed, m’għandux ikun arroganti, m’għandux jirraġuna: “il-PL jirbaħ żgur, x’niġi naqa’ u nqum!” – Ftakru xi ġralu l-Partit Laburista għax kien hemm min irraġuna hekk fl-2008. Madankollu, xorta waħda noqogħdu attenti minn min jista’ ma jkunx eżatt f’dak li jgħid jew l-iskop tiegħu huwa li jpinġi stampa tas-sitwazzjoni li hi fittizja, mhix vera.

    Ftakru li l-perċezzjoni hija kollox fil-politika.

    Fil-passat il-Partit Laburista ġieli tilef elezzjonijiet ġenerali għax minkejja li ż-żmien tah raġun rigward dak li kien qed jgħid u jipproponi, il-media f’dak iż-żmien partikolari bniet perċezzjoni fost il-pubbliku bil-maqlub tal-verità. Bħala eżempju,biżżejjed insemmi kemm kien hawn nies wara l-2008 li qalu: “x’għamilt b’idejja mort ivvutajt lill-PN!”. – Imma mbagħad kien tard wisq u twikkew bi gvern li għabbihom b’kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma u amministrazzjoni tal-pajjiż fjakka għall-aħħar.

    Ħarsu lejn il-pajjiż illum u ftakru kif kienet is-sitwazzjoni qabel l-2013. Għamilna passi ta’ ġġant bħala poplu Malti. Ejjew inkomplu u ma narmux kollox.