Il-pandemija tal-COVID-19: x’inhi tagħmel biex tiffaċċjaha l-Unjoni Ewropea?

    EU FLAG
    Photo by : Unsplash

    Read in English.

    “L-Ewropa miexja. Affaċjata b’din is-sitwazzjoni drammatika, bid-dmir li tiddefendi l-ħajja, l-għajxien, u l-istabbiltà għal kulħadd, l-Unjoni Ewropea qed taġixxi. Naturalment, kellna niġġieldu kontra l-egoiżmu nazzjonali, iżda issa huwa ċar kif se niffaċċjaw din l-emerġenza.”

    Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli.

    “Qed nitkellmu dwar intervent li, b’mod ġenerali, huwa qrib żewġ triljun euro. Din hija l-akbar wirja tal-poter tas-solidarjetà Ewropea li qatt rajna. Huwa intervent aktar b’saħħtu anke mill-Pjan Marshall, il-programm li għenna nerġgħu lura mir-rovini tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn il-flus ser jgħinuna nillimitaw l-effetti tal-COVID-19, se jappoġġjaw ir-riċerka biex jiġi identifikat vaċċin effettiv, jipprovdu riżorsi utli għall-appoġġ tal-ekonomija tagħna u l-protezzjoni soċjali, jipproteġu l-impjiegi, in-negozji, u jiżguraw li l-familji ma jitħallewx waħidhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. F’dan l-istadju l-intervent jipprovdi l-flus meħtieġa mill-faċilitajiet mediċi tagħna, mit-tobba u l-persunal tas-saħħa li, b’passjoni u ġenerożità kbira, huma impenjati li jsalvaw il-ħajjiet ta’ ħafna nies. L-Unjoni ma tistax tħalli lil ħadd waħdu. Ħadd m’hu ser jitħalla waħdu”.

    Il-Parlament qed jappoġġja l-pożizzjoni tiegħu b’azzjoni fejn il-miżuri jeħtieġu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet baġitarji tal-UE: il-Parlament u l-Kunsill. Nhar il-Ħamis, din il-ġimgħa, il-Parlament Ewropew se jagħmel sessjoni plenarja straordinarja. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-MPE se jivvutaw b’mod remot. Fuq l-aġenda nsibu proposta leġiżlattiva biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE biex ikopri emerġenzi ta’ saħħa pubblika, u l-Inizjattiva ta’ Investiment bħala Rispons għall-Coronavirus, li se tagħmel disponibbli €37 biljun mill-Fondi ta’ Koeżjoni. L-ammont indikattiv għal Malta huwa ta’ €9 miljun li jingħataw bħala likwidità, u investiment totali ta’ €48 miljun relatat mal-likwidità rilaxxata.

    Il-miżuri huma parti mill-erba’ prijoritajiet tar-rispons tal-UE għall-firxa tal-COVID-19. Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew jelenka l-prijoritajiet kif ġej:

    1. Nillimitaw il-firxa tal-virus, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju u l-għeluq tal-fruntieri esterni sabiex il-fruntieri interni jkunu jistgħu jinżammu miftuħa, ħa jibqa’ jiffunzjona s-suq intern.
      Dwar il-projbizzjoni ta’ titjiriet esterni rajna ħafna rapporti fuq il-midja. Il-MPE iffukaw fuq id-deċiżjoni rapida li ttieħdet il-ġimgħa l-oħra mill-Ministri għat-Trasport tal-UE biex jappoġġjaw korsiji ħodor għar-rotot ta’ provvista, kif issuġġerit mill-MPE u mill-Kummissjoni.
      “L-għeluq totali tal-fruntieri jista’ jidher bħala l-aktar mod sigur biex nipproteġu liċ-ċittadini tagħna, imma fir-realtà aħna lkoll niddependu fuq importazzjonijiet minn stati membri oħra biex inżommu l-provvisti tagħna bla interruzzjoni. Garanzija ta’ trasport mingħajr ostakoli ta’ oġġetti essenzjali bħall-ikel u ta’ provvista bla interruzzjoni ta’ tagħmir mediku u protettiv vitali, tiżgura li din il-kriżi ma ssirx katastrofu. Aħna niddependu minn u noqogħdu fuq xulxin meta niġu għas-saħħa pubblika tagħna, ” saħqet il-President tal-Kumitat għas-Suq Intern Petra de Sutter.

     

    1. Niżguraw li jkollna tagħmir mediku billi nżidu l-produzzjoni ta’ apparat mediku, noħorġu sejħiet għall-produzzjoni ta’ tagħmir mediku, u ninnegozjaw biex niksbu provvisti ġodda. Għal dan, biex il-pajjiżi jistgħu jiksbu malajr l-apparat mediku li għandhom bżonn, huwa ppjanat baġit tal-UE inizjali ta’ €50 miljun (€40 miljun minnhom huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet baġitarji). L-Istati Membri kollha se jkollhom aċċess għall-ewwel riżerva ta’ apparat mediku tar-RescEU, bħal ventilaturi u maskli protettivi, taħt il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE. L- Akkwist konġunt ta’ tagħmir personali protettiv (PPE) diġà kellu suċċess: żewġ sejħiet għal offerti mnedija reċentement irċevew offerti li jkopru u anke jeċċedu l-kwantitajiet mitluba mill-Istati Membri għal kull prodott mitlub. Dan il-PPE għandu jkun disponibbli fi żmien ġimgħatejn wara li l-Istati jiffirmaw il-kuntratti, u dawn huma mistennija li jagħmlu dan fi żmien qasir.Ngħinu lir-riċerkaturi biex isibu vaċċin malajr: il-Kummissjoni tal-UE ħabbret €47.5 miljun f’fondi minn Orizzont 2020 li se jintużaw għal 17-il proġett ta’ riċerka li ġew magħżula s’issa. Sejħa oħra għall-proposti, b’valur ta’ €45 miljun, għal apparat ta’ terapija u djanjożi biex inkunu nistgħu nittrattaw il-firxa attwali u dawk futuri tal-coronavirus, qed tiġi żviluppata taħt l-Inizjattiva ta’ Mediċini Innovattivi. Id-data ta’ skadenza hija l-31 ta’ Marzu.
    2. Inħaffu l-impatt fuq is-soċjetà u l-ekonomija: bħala għajnuna li se tingħata lill-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġjaw l-ekonomija tagħhom, il-Kummissjoni approvat Qafas Temporanju li tippermettilhom deroga mir-regoli ta’ Għajnuna mill-Istat mill-anqas sa Diċembru 2020. Nhar it-Tnejn, il-Ministri għall-Finanzi tal-UE appoġġjaw l-użu tal-klawsola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali tal-UE taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tippermetti lill-Istati Membri jsostnu lill-ekonomija tagħhom bl-ammont li għandhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jiffaċċċjaw din il-kriżi b’mod adegwat.

    Il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar programm ta’ emerġenza ta’ €750 biljun biex itaffi d-dejn tal-gvernijiet waqt il-krizi. Proposta oħra ta’ MPE hija li jiġu mobilizzati €500 biljun oħra mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, proposta msejħa il-bazooka Ewropea.

    X’qed jgħidu r-rappreżentanti eletti tagħna? Il-MPE Maltin daħlu mill-ewwel fid-dibattitu dwar l-azzjoni tal-UE biex tindirizza l-COVID-19. Huma saħqu fuq il-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata; għall-flessibilità fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; għal pakkett Ewropew ta’ stimolu; għall-appoġġ lill-SMEs; għat-twaqqif ta’ aġenzija tas-saħħa Ewropea; għas-solidarjetà fil-komunitajiet tagħna stess, partikolarment mal-anzjani; u enfasizzaw il-vantaġġi tat-teleworking, u t-tnaqqis drammatiku fit-tniġġis tal-arja, kif ukoll il-metodu l-ġdid ta’ votazzjoni mill-bogħod li l-Parlament Ewropew se juża fis-sessjoni plenarja straordinarja tal-Ħamis. L-akkwist konġunt ta’ provvisti mill-Istati Membri kien ukoll imħeġġeġ fil-laqgħat tal-UE mill-Ministru tas-Saħħa ta’ Malta Chris Fearne.
    Billi naħdmu flimkien bħala stati tal-UE ikollna pożizzjoni aktar b’saħħitha fis-suq dinji.

    Dan kollu għandu l-għan li jindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa u t-tħassib ekonomiku tan-nies: stħarriġ tat-Times of Malta ppubblikat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wera li 76% tal-Maltin jinsabu mħassbin li l-coronavirus huwa theddida għalihom personalment, filwaqt li 73% jaħsbu li dan se jkollu effett negattiv fuq il-finanzi tagħhom u tal-familji tagħhom.

    Il-miżuri tal-UE qed jiġu ssupplimentati b’miżuri nazzjonali. Il-kura tas-saħħa fl-UE hija r-responsabbiltà u l-prerogattiva tal-Istati Membri, iżda fil-limiti tas-setgħat tagħha, l-UE aġixxiet malajr.

    Kif ikkonkluda Pascal Canfin (Renew, FR), il-President tal-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel:

    “Il-ġimgħa li għaddiet, l-UE ħadet bosta deċiżjonijiet storiċi fil-ġlieda kontra l-COVID-19, inkluż fir-rigward tal-impatt tiegħu fuq l-ekonomija. Dan il-fatt m’aħniex qed ngħiduħ biżżejjed u m’aħniex qed ngħiduħ bis-saħħa li jeħtieġ. L-UE qed tagħmel dak kollu li tista’ biex issalva l-ħajjiet. Din hija s-solidarjetà fl-azzjoni.”

    Anna Zammit Vella hija ufficjal għall-midja tal-Parlament Ewropew ibbażata fl-Uffiċċju tal-PE f’Malta

    @EP_Malta