Il-pandemija: tagħmlux ikliet tal-Milied!

    Ikla Tal-Milied

    Fil-Milied, huma ħafna dawk il-familji Maltin li għandhom it-tradizzjoni li jiltaqgħu mal-qraba tagħhom għall-ikla tal-Milied. Normalment, in-numru ta’ nies li jattendu għal dawn l-ikliet ikun wieħed kbir għax ħafna familji jorganizzawhom bin-nanniet, żijiet, eċċ. Però, din is-sena min jagħmel hekk ikun qed jagħmel stupidaġni kbira għax l-awtoritajiet tas-saħħa diġà wissew dwar kemm ikliet bħal dawn huma perikolużi f’dan iż-żmien meta l-pandemija tal-Coronavirus tinsab fl-agħar tagħha f’pajjiżna u qed nisimgħu b’każijiet ta’ mwiet b’mod regolari.

    Naħseb li għandna nkunu intelliġenti biżżejjed li nifhmu li meta jiltaqgħu numru mdaqqas ta’ nies fi spazju ristrett bħalma hi dar residenzjali, iċ-ċans li l-marda tal-Coronavirus tinxtered ikun wieħed kbir. Irridu niftakru li n-nies li jkunu preżenti jkunu ġejjin minn ħafna ambjenti differenti fejn ikunu ltaqgħu ma’ diversi persuni oħra li hemm ir-riskju li xi ħadd minnhom ikun diġà nfettat bil-marda. Mhux ta’ b’xejn li l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, appella għal aġir responsabbli waqt il-festi tal-Milied!

    “Din is-sena min jagħmel hekk ikun qed jagħmel stupidaġni kbira”

    Nittama li fil-Milied li ġej ma jkunx hemm numru ta’ nies li jkunu daqshekk immaturi li jħallu sempliċi ikla familjari tiġi qabel il-ħarsien tas-saħħa tagħhom u ta’ ħaddieħor. Nagħmlu l-aħħar sforz u nissaportu l-aħħar sagrifiċċji hekk kif il-vaċċin tal-COVID-19 huwa proġettat li dalwaqt jasal.