Il-Moħħ wara l-Erbgħin …

    Id-diskussjoni fuq l-eta mhix l-aktar diskussjoni nteressanti għal ħafna nisa speċjalment meta nibdew nilħqu ċertu eta'. Insomma naqra falza din għax l-eta' fuq l-irġiel ninterpretawha bħala maturita imma fuq in-nisa aktarx narawha bħala telf tas-sbuħija. Kollox jindika x’tapprezza s-soċjeta u sfortunatament …. xi kultant fil-mara s-soċjeta' aktar kienet tapprezza s-sbuħija milli l-abiltajiet l-oħra kollha li għandha. Forsi l-affarijiet bdew jinbidlu ukoll ….
    Imma riċerka nteressanti qed turi li l-moħħ tal-bniedem jilħaq il-qofol tiegħu bejn l-erbgħin u s-sittin sena. Forsi ma nibqgħux ninkwetaw daqshekk ma’ kull kartolina ta’ għeluq snina li nirċevu! Sa tletin sena ilu jew ftit qabel, l-ideja kienet li l-moħħ jitlef sa 40% tiegħu nnifsu meta naslu għal din l-eta'. Illum qed naraw li l-moħħ waqt s-snin erbgħin u aktar isir aktar kreattiv, kapaċi jsib soluzzjonijiet, u jaraf x’inhu l-aktar importanti.
    Illum nafu li l-moħħ kapaċi jiġġenera ċelloli tiegħu u minflok li nirrassenjaw ruħna li issa huwa normali li nibdew ninsew, nistgħu ninkoraġġixxu ċelloli ġodda oħra jiżviluppaw. Forsi veru li ma nibqgħux daqshekk ħfief daqs kemm konna meta konna iżgħar, imma mhux il-ħeffa kollox. Riċerka uriet li f’din l-eta' li qed nitkellmu fuqha, l-bniedem tant ikollu esperjenzi tal-ħajja li kapaċi jagħmel deċiżżjonijiet aktar għaqlija u allura b’riżultati aħjar.
    Imma dan it-titjib ma’ jiġiex bix-xejn: irridu nagħmlu l-parti tagħna. U jidher mir-riċerka li fl-aħħar mill-aħħar sabiex inżommu moħħna b’saħħtu ma rridu nagħmlu xejn speċjali minn dak li hu rikjest li nagħmlu biex nieħdu ħsieb il-kumplament ta’ ġisimna.
    L-eżerċizzju: Dan jgħin sabiex jinħolqu ċelloli ġodda f’dik l-parti tal-moħħ li għandha x'taqsam mal-memorja. Meta nitkellmu fuq eżerċizzju f’dan il-kuntest irridu nifhmu eżerċizzju li jżid it-taħbit tal-qalb u dan għal mill-inqas għoxrin minuta kull darba li nagħmlu l-eżerċizzju. Idejalment neżerċitaw ruħna b’dan il-mod għal mill-inqas tlett darbiet fil-ġimgħa.
    Naċċettaw il-bidla: Il-moħħ jieħu gost b’dawk il-mudelli ta’ għaġir li jkun jaf għax dawn ikunu ħfief u jsiru mingħajr ħafna ħsieb imma din tista tkun il-bidu ta’ problema għal futur. Huwa ħafna aħjar li nħarrġu lil moħħna jagħmel jew jitgħallem affarijiet ġodda, anke jekk xi ftit aktar diffiċli. Jekk nibdew nitħarrġu f’xi attivita ġdida li tirrikjedi ċertu sforz mentali, dan ikun ta’ għajnuna kbira. Smajna kemm il-darba li jekk nibdew nitgħallmu lingwa ġdida jew xi strument tal-mużika, dan jgħin ħafna sabiex il-moħħ jibqa jiġġenera lilu nnifsu.
    L-ikel li nieklu: Żgur ħadd ma jista jgħid li għadu ma jafx dwar l-importanza tal-ikel għall-ġisem u l-istess għall-moħħ. U waqt li kif dejjem qrajna, dieta bilanċjata hija l-aħjar dieta, n-nutriment li nieħdu mill-frott u l-ħxejjex flimkien maż-żejt li ġej mill-ħut jgħinu biex ibgħedu l-effetti tax-xjuħija. Bħal kull diskussjoni oħra fuq l-ikel, iz-zokkor u x-xaħmijiet li ġejjien mill-annimali għandna nevitawhom u apparti li nżommu ġisimna aktar b’saħħtu, l-moħħ jiggwadanja ukoll.
    Nipparteċipaw fis-soċjeta: Meta noħorġu mid-dar u niltaqgħu man-nies, nagħmlu ħafna ġid għalina nnfusna għax jidher li l-moħħ ikun aktar mqit minn ta’ dawk in-nies magħluqin id-dar u ndifferenti għal dak li qed jiġri madwarhom. Interessanti li l-altuiżmu (meta ninsew lilna nnfusna u niffukaw fuq il-bżonn ta’ ħaddieħor) jgħina direttament, għax meta ngħinu lil ħaddieħor inkunu qed nistimulaw parti mill-moħħ li nużawha wkoll sabiex nagħmlu deċiżjonijiet kumplessi. L-aktar ħaġa li timblokka milli ċelloli ġodda jiżvillupaw hija d-dipressjoni u l-istress li ma tkunx ikkontrollata. Intressanti kif meta taħseb f’ħaddieħor, tkun qed tinvesti fik innifsek. Anke l-futur mentali tagħna b’xi mod qiegħed f’idejna u jiddependi minn dak li nagħżlu għalina nnfusna.

    Sina Bugeja