Il-mexxejja tal-UE jeħtieġ jindirizzaw il-perikli tar-riċessjoni ekonomika

    European Union 2019 – Source: EP

    L-ex Prim Ministru Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-Ewropa qed tiffaċċja kriżi mingħajr preċedent u sakemm ma tinstabx triq għal azzjoni Ewropea effettiva li tassew tindirizza il-perikli tar-riċessjoni li għaddejja, l-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi se jimmultiplikaw.

    Fi stqarrija waqt sessjoni plenarja li ddiskutiet it-tħejjijiet tal-laqgħa tal-kapijiet tal-gvern tal-Kunsill Ewropew, Alfred Sant saħaq li l-perikli li l-kriżi ekonomika ġġib magħha għas-sistema ekonomika Ewropea għandhom ikunu rikonoxxuti bil-fatti, mhux biss bil-paroli. Biex tittratta l-kriżi b’mod sodisfaċenti, il-kriterji tal-passat riċenti ma tantx japplikaw.

    Fid-19 ta’ Ġunju, il-membri tal-Kunsill Ewropew iltaqgħu permezz ta’ konferenza bil-vidjo biex jiddiskutu l-kwistjoni ta’ fond ta’ rkupru biex jirrispondu għall-kriżi COVID-19 kif ukoll il- baġit ġdid għall-UE abbażi tal-proposta għal strument ta’ rkupru ġdid u għall-qafas finanzjarju multiannwali għall-2021-2027 ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fis-27 ta’ Mejju 2020.

    Alfred Sant irrimarka li l-Kunsill Ewropew għandu jkun il-pedament għal ftehim aċċettabbli għal kulħadd u huwa essenzjali li l-pakkett ta’ rkupru jilħaq il-mira tiegħu biex jgħin jerġa’ jqajjem l-ekonomija Ewropea. Sadanittant, għandhom jintlaqgħu l-għanijiet fit-tul tal-Unjoni, speċjalment dawk iffokati fuq il-koeżjoni bejn it-territorji tagħha.

    “Bid-difetti kollha tagħha, il-pjan ippreżentat mill-Kummissjoni Von der Leyen iwassal fid-direzzjoni t-tajba u l-qalba tieghu tiegħu għandu jkun approvat. L-argumenti dwar, fost l-oħrajn, jekk hux permezz ta’ self jew għotjiet jew kif għandhom jintgħażlu l-proġetti u l- kkundizzjonijiet li għandu jkollhom, għandhom ikunu subordinati għal din il-prijorità ġenerali”, iddikjara Alfred Sant.

    Bosta nazzjonijiet tal-Ewropa tat-Tramuntana mhumiex kuntenti dwar il-pjan ta’ rkupru għaliex jinvolvi €500 biljun bħala għotjiet għall-pajjiżi l-iktar milquta mill-pandemija, partikolarment fl-Ewropa t’Isfel. Grupp ta’ pajjiżi – l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Olanda – indikaw b’mod ċar l-oppożizzjoni kontinwa tagħhom għall-għotjiet minflok self.