Il-Manjieri fit-triq tas-sewwieqa Maltin

    L-ammont ta’ karozzi li hawn fit-toroq Maltin huwa xi ħaġa li kemm il-darba smajna kummenti dwarha. Imma l-karozzi waħedhom mhumiex il-problema kollha, għalkemm iżżejjed dejjem żejjed.
    Prattikament kull x’ħin tkun fuq it-triq, imma b’mod partikulari fil-għodu żgur kulħadd inqabad, xi darba jew oħra, f’serbut ta’ karozzi mwaħħlin wara xulxin lkoll jixtiequ jfittxu jaslu fejn ikunu sejrin. Imma fir-rejalta jqattgħu siegħat sħaħ jitfgħu duħħan maħmuġ fl-atmosfera u jibilgħu minn dawn id-dħaħen huma stess, waqt li jdoqqu xi ħorn.
    Żgur mhux l-aħjar mod li tibda l-ġurnata! Donnu li l-ġurnata ta’ kulħadd tibda fl-istess ħin hawn Malta, għax kemm jekk huma t-tfal tal-iskola jew ħaddiema, jgħaddu ħafna ħin imwaħħlin flimkien fit-triq għax kulħadd irid juża t-triq fl-istess ħin. Ma dawn inżidu bowsers, trakkijiet, containers u kultant xi żiemel ukoll. Min jaf għadx insibu soluzzjoni u l-postijiet tax-xogħol varji u l-skejjel maqsumin f’etajiet differenti tat-tfal jiftħu l-bibien tagħhom ftit ħin wara xulxin minnflok kollha u kollox fl-istess ħin. Min jaf naslux li nagħmlu regoli addattati sabiex trakkijiet u inġenji oħra jużaw it-triq f’ħin partikulari fejn huma jingħataw prijorita waqt li f’ħinijiet oħra ikunu karozzi oħra li jingħataw din il-prijorita.
    U x’ingħidu għar-rabbja li xi wħud ikollhom fuqhom anke daqshekk kmieni fil-għodu. Jekk tkun tlaqt tard mid-dar imbagħad issib min jimblokkak, faċli li tintela bir-rabbja. Imma l-isfortuna hi li minn flok wieħed jirrabbja għalih innifsu għax qam tard jew xi raġuni oħra eċċ, juri r-rabbja fuq min inzerta kien fit-triq u bħalu jixtieq jasal fejn ikun sejjer. Il-ħafna għaġġla ta’ fil-għodu għandha soluzzjoni waħda: dik li taħseb qabel. Mhux realistiku li tippretendi li ssib t-toroq vojta. Niskanta ukoll kemm hawn min isibha diffiċli biex iċedi lil xi karozza oħra. Tgħid jibżgħu li ser ikunu aktar tard!
    Apparti minn dan kollu, imbagħad issib min jippretendi li kulħadd għandu  jieqaf sabiex jgħaddi hu. Ghandu jew m’għandux dritta … U meta jirnexxilu joħroġ, ħadd ma jaf jgħid grazzi lil min ikun ċedielu. Insejna kif inġibu ruħna ta’ nies billi nuru apprezzament. Li tgħid grazzi mhix ħaġa tqila u tagħmel ħafna differenza.
    Xi ngħidu għar-regoli – kulħadd l-istess regoli jitgħallem imma għal xi wħud, donnu r-regoli qedin hemm biex jiksruhom u minn fuq aktarx jkunu jridu jieħdu raġun. Għad hawn ukoll xi ftit irġiel sfortunatament li għadhom jaħsbu li għandhom dritt aktar mis-sewwieqa nisa li jkunu fuq it-triq.
    L-użu tat-traffic lights sabiex tonqos il-veloċita fit-toroq tagħna għandha effett għal distanza qasira ħafna, Ma nafx kemm ikopru distanza t-traffic lights cameras imma żgur mhux ħafna. Innaqqsu mill-veloċita biss meta naslu taħt it-traffic lights u nerġgħu inżidu l-velożita ftit wara li naqbżuhom. Veru inkun nixtieq li nista nieħu ritratt jien minn flok il-camera tat-traffiku! Jekk jgħatuni persentaġġ fuq il-multi li suppost jitħallsu, kieku nagħmel kemxa sew.
    L-użu tal-mobile phone ipoġġi lil min ikun qed jużah u lil min jinzerta jkun fit-triq f’riskju kbir. Għalkemm hawn ħafna kampanji biex juruna li dan m’għandux isir, xorta tiltaqa ma din is-sitwazzjoni kuljum. Interessanti li anke xufier tal-karozzi tal-linja deherlu li kellu kull dritt juża l-mobile phone waqt li qed isuq! U meta passiġġier kellem lil dan ix-xufier ma deherlux li dan it-tali kellu jindaħal.
    Nafu li f’Malta għandna problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ, imma b’dana kollu xorta tara karozzi ipparkjati bla grazzja u qisu fejn ġie ġie. Min jaf kemm il-darba rajna karozza ipparkjata bejn żewġ postijiet b’tali mod li jieħu spazju ieħor. Imma b’aktar konsiderazzjoni lejn l-oħrajn,  jistgħu joqgħodu aktar karozzi. Ma ninsewx ukoll lil dawk li jħobbu jaqsmu l-mużika favorita tagħhom mat-triq kollha. Ngħidulhom grazzi jew aħjar LE GRAZZI.
    Kieku nkunu aktar konxji ta’ kif għemilna jeffetwa lill-oħrajn, kieku ngħixu ħafna aħjar.

    Sina Bugeja