​Il-Maltin u d-Duluri

    Il-kittieb u poeta Oliver Friġġieri, f’waħda mill-poeżiji tiegħu, jiddeskrivi l-purċissjoni f’Jum id-Duluri bħala l-‘Akbar Mass Meeting.’ F’din il-poeżija, huwa jirakkonta l-istejjer tal-uċuħ li jara huwa u miexi wara d-Duluri.
    Hija poeżija miktuba f’perjodu politikament diffiċli ħafna. Minkejja l-qasma politika, jinduna li wara d-Duluri bkew “il-blu” u bkew “il-ħomor”, “u mxiet il-minoranza u l-maġġoranza.” Jindirizza lid-“Diż-Onorevoli Kristu” u jgħidlu, “Int biss trid tgħaqqdu, bla kliem ta’ l-okkażjoni, lil dal-poplu.”
    Id-diviżjonijiet jifirdu l-poplu, iżda għal waqt id-devozzjoni lejn id-Duluri, donnu jkun hemm mument qasir ta’ rikonċiljazzjoni. Huwa kliem li għadu rilevanti illum. Mhux għalina li niġġudikaw jekk din l-għaqda temporanja hix ġenwina jew le.
    Fir-reviżjonijiet tal-Kalendarju Liturġiku li saru mill-Vatikan fl-1969, it-tifkira tad-Duluri nhar il-Ġimgħa qabel Ħadd il-Palm ma baqgħetx tiġi mfakkra kullimkien. Il-Knisja f’Malta żammet din it-tradizzjoni u l-Maltin żammew devozzjoni speċjali lejn id-Duluri.
    Fuq il-postijiet tax-xogħol u fl-iskejjel isir Quddies jew devozzjonijiet oħra biex ifakkru dan il-jum. Bosta rħula – fi kważi kull paroċċa – joħorġu purċissjoni devozzjonali. Ix-xbieha tad-Duluri kienet miżmuma b’devozzjoni speċjali fil-postijiet ta’ ħidma fosthom it-Tarzna, is-Shipbuilding u anki fis-Suq l-Antik tal-Belt Valletta. Id-devozzjonijiet popolari żammew ix-xejra penitenzjali tagħhom u l-purċissjonijiet baqgħu jiġbru għadd ta’ nies.
    Iżda xi jġiegħel lil Maltin jibqgħu jintrabtu ma’ din id-devozzjoni? Ix-xbieha tad-Duluri tieħodna taħt is-Salib ta’ Kristu fejn insibu omm li qed tara t-tbatija u l-uġiegħ li qed iħoss binha, u omm li taf li binha se jmut quddiem għajnejha bl-aktar mod krudili.
    It-tradizzjoni tal-Knisja tħares lejn is-seba Duluri ta’ Marija; il-profezija ta’ Xmun fit-Tempju meta jitħabbrilha li sejf se jinfdilha qalba, il-ħarba lejn l-Eġittu, it-telfa’ ta’ Ġesù fit-Tempju, il-laqgħa ma’ binha waqt li qed iġorr is-salib, it-tislib, il-mewt u finalment id-difna tal-ġisem bla ħajja. Quddiem it-tbatija, l-omm tibqa siekta.
    Huma esperjenzi li kulħadd jiltaqa' magħhom b’forma differenti – il-biża' li naraw il-maħbubin tagħna jbatu, it-taħbit tal-ħajja quddiem sitwazzjonijiet li ma nistennewx u r-realtà kiefra tal-mewt.
    Quddiem dan kollu, ix-xbieha tad-Duluri turina omm li ħabbet, tilfet u weġġgħet, iżda omm li mhux telliefa. Id-Duluri tpoġġina quddiem ir-realtà tal-fidi. Il-fidi tgħallem li minkejja li teżisti t-tbatija, din m’hix ir-realtà sħiħa.
    Il-purċissjonijiet tad-Duluri ifakkruna li mhux aħna biss, bħala individwi, għaddejin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Nhar il-Ġimgħa, Malta timxi ma’ Marija fid-dulur tagħha. Iżda hija mixja li ma tieqafx taħt is-salib. Tkompli sa Ħadd il-Għid meta, ma’ Marija, niċċelebraw realtà oħra tal-fidi tagħna.
    andre.deb@gmail.com
    André P. DeBattista huwa riċerkatur indipendenti fil-qasam tal-politika u l-affarijiet internazzjonali.