Il-Maltin f’Għawdex fi żmien il-Covid-19

    Miguela Xuereb

    Bħala Għawdxi minn dejjem qbilt ma’ dak li jgħid illi f’Għawdex, il-Malti hu l-aqwa turist. Il-Maltin f’Għawdex huma xprun tal-ekonomija Għawdxija, u ġaladarba jiġu f’Għawdex biex jiddevertu u jistrieħu dan ifisser li jiġu hawn biex jonfqu u jħallsu l-flus. Fuq kollox biex jiġġeneraw ix-xogħol. It-turist Malti kuntrarjament għat-turist barrani ma jiġix Għawdex darba f’mitt qamar, iżda jiġi Għawdex spiss u jekk ġie llum u ħa gost ma jrid xejn biex fi ftit ġimgħat oħra jerġa’ jibbukkja appartament jew farmhouse u jerġa’ jiġi b’xi familja ħbieb oħra miegħu.

    Iżda din l-imbierka jew aħjar misħuta Covid 19 daħħlet denbha f’kull qasam tal-ħajja, u anke f’dan is-settur. Għal xi żmien saru restrizzjonijiet dwar l-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex, fejn bniedem ma setax jaqsam bejn iż-żewġt gżejjer u għalhekk jiġi Għawdex, mingħajr raġuni speċifika u ta’ bżonn. Fi kliem ieħor wieħed ma setax jiġi Għawdex aktar bħala turist. Dan kien fi żmien li kullimkien kien magħluq, u għalhekk din il-miżura kienet waħda li tikkumplimenta dak il-perjodu partikolari. Kienet mossa biex trażżan il-marda. Ma nemminx li kienet mossa biex tiżola lil Għawdex mill-mard, għaliex f’Għawdex il-marda kienet diġà daħlet, u fuq kollox din ir-restrizzjoni ma kinitx assoluta u kellek għadd ta’ nies li ta’ kuljum jirkbu l-vapur u jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

    Meta mbagħad bdejna nirrilaxxaw il-miżuri li kienu intiżi kontra l-imxija tal-Covid 19 tneħħiet ir-restrizzjoni fuq il-qsim bejn iż-żewġ ġżejjer. F’Għawdex beda ħafna tgergir, li issa aktar nies Maltin se jibdew jiġu Għawdex (aktar u aktar għax ma jistgħux isiefru) u per konsegwenza l-mard se jiġi aktar lejn il-gżira ż-żgħira. Però dan it-tgergir ġustifikat?

    Ma rridx nidħol fil-mertu jekk għamilniex sew li rrilaxxajna l-ħabel tal-miżuri jew jekk dan għamilniehx kmieni biżżejjed. Ngħid biss li għandi r-riservi tiegħi u xejn ma kellu jimporta x’għamlu u ma għamlux pajjiżi oħra. Aħna donnu kellna strateġija differenti li kienet qed tħalli l-frott u għalhekk stajna konna differenti minn pajjiżi oħra. Iżda din hi biss opinjoni għaliex fl-aħħar mill-aħħar jien m’iniex espert f’dan il-qasam u għalhekk inbaxxi rasi għal dak li jgħidu l-awtoritajiet li żgur huma esperti aktar.

    Iżda issa la naqqasna l-miżuri, neħħejna wkoll ir-restrizzjonijiet ta’ vjaġġar bejn iż-żewġ ġżejjer. Personalment ma nara xejn ħażin dwar dan. Aħna pajjiż wieħed u għadni ma smajt bl-ebda pajjiż li għalaq xi parti minnu biex ċittadini oħra ma jidħlux fih jekk mhux jew għax dik il-parti tal-pajjiż kienet impestata bil-mard (bħalma kien Wuhan). Kieku f’Għawdex il-marda kien għadha ma daħlitx nifimha, iżda għall-argument kif inhi s-sitwazzjoni jekk marda tista’ tlaqqatha minn persuna residenti Malta daqshekk ieħor tista’ tlaqqatha minn persuna residenti Għawdex għax il-marda qegħda kullimkien. Hekk jew hekk meta wieħed iqis il-popolazzjoni taż-żewġ gżejjer il-medja tan-nies infettati hi kważi kważi l-istess.

    Ma naħsibx li  issa li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar bejn il-gżejjer, il-Maltin se jinvadu lil Għawdex, għax hemm ħafna li bħali jaħsbuha li aħjar joqogħdu kawti minn ħruġ u ġiri żejjed iżda jekk kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet li hemm bżonn u li l-awtoritajiet tas-saħħa ilhom iħambqu fuqhom żmien, bi ftit Maltin li jgħoġobhom jagħmlulna kumpanija fil-weekends is-sitwazzjoni m’għandhiex titgħarraq.

    Il-ħażin hu dawk il-ftit Maltin fil-maġġorparti tagħhom żgħażagħ li  jew għadhom jaħsbu b’ċerta mentalità injoranta li l-Għawdxin huma inferjuri għal Maltin, sempliċiment għax jgħixu fi gżira iżgħar, jew jaħsbu li għax qegħdin vaganza jistgħu jagħmlu li jridu u jitkessħu kemm iridu, inkluż li ma jeħdux il-prekawzjonijiet neċessarji kontra l-mard. Dawn huma dawn in-nies li jqażżu lil Għawdex bil-bluha u l-ksuħat. Dawn huma dawk in-nies li l-Għawdxin jistmerru. Dawn huma n-nies li jtappnu l-mod kif l-Għawdxin iħarsu lejn it-turist Malti. Iżda nifhem li dawn qegħdin f’minoranza u wieħed m’għandux jiġġeneralizza. Mal-ħażin m’għandux jeħel it-tajjeb. Iżda vera, dawn il-ftit nies idejquk, u jdejquk mhux biss fi żmien il-Covid 19, iżda f’kull żmien ieħor mill-minuta li jirfsu r-rampa tal-vapur.