Il-maġistrati u l-imħallfin tagħna

    Bla ma forsi napprezzaw biżżejjed, ir-rwol tal-ġudikatura huwa wieħed importanti f’kull demokrazija.  F’demokrazija l-poteri huma maqsumin fi tlieta: (1) il-leġiżlattiv jiġifieri l-parlament li jagħmel il-liġijiet (2) l-eżekuttiv jiġifieri l-gvern li jamministra u (3) il-ġudikatura jiġifieri l-qrati.

    Il-funzjoni ta’ dawn it-tlieta hija li wieħed jiċċekkja fuq l-ieħor:   pereżempju l-Parlament għandu s-setgħa jwaqqa’ l-Gvern jew ineħħi ministru; min-naħa l-oħra l-qrati għandhom is-setgħa jwaqqgħu saħansitra l-liġijiet li jkun għamel il-Parlament. Dawn huma biss eżempji u bħalhom hemm oħrajn. Rwol ieħor tal-Qrati huwa li jimplimentaw il-liġijiet sew jekk dawn huma liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-imġiba ta’ xi ċittadin fis-soċjetà jiġifieri l-liġijiet kriminali, u sew jekk dawn għandhom x’jaqsmu ma’ liġijiet ta’ bejn ċittadin privat u ieħor u ċioe l-liġi ċivili.

    Jibqa’ l-fatt illi l-ewwel u l-akbar dmir tal-Qrati huwa li jagħtu ġustizzja fid-dawl tal-liġijiet tal-pajjiż. Però dejjem tingħata dik il-ġustizzja? Biex tingħata ġustizzja jrid ikollok nies kapaċi u għorrief li jagħtu ġustizzja. Għaliex għalxejn pereżempju titlob ġustizzja minn bniedem li ma jafx il-liġi, għax għalkemm jista’ jagħmel l-almu tiegħu kollu biex ikun ġust xorta ma jkollux l-għarfien biżżejjed biex jasal fejn irid jasal.

    U hawn tidħol l-għażla tal-imħallfin u l-maġistrati li jridu jippresedu fil-qrati ta’ pajjiżna. L-imħallfin u l-maġistrati għandhom ikunu nies mhux biss għorrief fil-liġi, iżda nies li jkunu kapaċi jagħtu ġustizzja u fuq kollox nies ta’ integrità li ma jħallux ix-xogħol tagħhom jiġi influwenzat minn nies jew sitwazzjonijiet oħra. Dawn it-tliet elementi jiġifieri (1) l-għerf tal-liġi (2) il-kapaċità u (3) l-integrità huma elementi kardinali u ta’ bilfors jekk wieħed irid jieħu l-massimu tal-ġustizzja minn ġudikant partikolari.

    Mill-indipendenza ’l hawn l-għażla tal-imħallfin u maġistrati dejjem kienet f’idejn il-Gvern tal-ġurnata. Dan l-aħħar rajna bidliet żgħar fejn il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja tagħmel skrutinju ta’ dawk il-kandidati li jkunu eleġibbli jew imħajrin għal din il-kariga. Iżda l-għażla finali dejjem tibqa’ f’idejn il-gvern li għandu anke l-poter li jmur kontra r-rakkomandazzjoni tal-kummissjoni.

    Din il-libertà assoluta tal-gvern hija waħda riskjuża. Ħafna drabi fi snin l-imgħoddija n-nomina ta’ maġistrat jew imħallef kienet tkun imsejsa fuq il-kapaċità li dik il-persuna tkun uriet fil-professjoni legali. Il-kostituzzjoni tgħid illi maġistrat irid ikollu seba’ snin esperjenza legali filwaqt illi mħallef irid ikollu 12-il sena esperjenza. Ħafna drabi dawn is-snin kienu jservu bħala mera tal-persuna legali tal-individwu anzi l-individwu kien jinħatar wara numru ferm itwal ta’ snin fil-professjoni.

    Dawn l-aħħar snin kemm taħt gvern u kemm taħt ieħor ninnota li rajna nomini ta’ nies li mhux bilfors kienu l-ideali li jokkupaw is-siġġu tagħhom. Filwaqt li kien hemm nies li ħadu l-kariga għax veru kapaċi, kien hemm oħrajn li tpoġġew hemm għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kapaċità tagħhom. Uħud minn dawn xorta kellhom is-suċċess tagħhom, oħrajn mhux daqstant.

    Fost il-ġudikatura rajna u naraw ġudikanti batuti fil-kariga tagħhom. Batuti għaliex jew ma humiex konxji biżżejjed tal-liġi u li kwindi ma jissodisfawx l-ewwel element fuq imsemmi (l-għerf tal-liġi) u oħrajn li għal raġunijiet varji jsibuha diffiċli biex jagħtu ġustizzja kif suppost bħal pereżempju dewmien esaġerat fil-kawżi (it-tieni element). Dwar it-tielet element ċioè dak tal-integrità, kien hemm każijiet fil-passat riċenti fejn imħallfin tradew il-ġurament tagħhom u ġew misjuba ħatja mill-Qrati. Każijiet bħal dawn hu diffiċli jekk mhux impossibbli biex tkun taf bihom, u għalkemm kultant tħossok mistgħaġeb u mbellah b’ċerta deċiżjonijiet, ma jkunx hemm lok li tagħmel asserzjonijiet.

    Jista jkun illi għal numru twil ta’ snin il-gvernijiet kellhom kriżi fl-għażla tal-ġudikanti fejn avukat tajjeb u bravu li jkun jaqlagħha tajjeb, qatt ma kien jaqbillu jsir maġistrat jew imħallef peress illi l-paga ta’ dawn tal-aħħar hija inferjuri għal fejn il-flus li jista’ jaqla’ mill-professjoni. Ħafna mill-avukati tajbin li laħqu ġudikanti ħadu l-kariga għax verament iħobbu l-liġi u b’sagrifiċċju finanzjarju personali.  Dan l-aħħar il-pagi żdiedu iżda xorta nemmen illi baqa’ lok fejn ikun hemm titjib u dan kemm invista tar-responsabilità u x-xogħol li għandu l-ġudikant, kemm biex l-uffiċċju tal-imħallef jew maġistrat ikun aktar attraenti għal avukati tajba, kif ukoll sabiex ġudikant ikun anqas suġġett għal tentazzjonijiet bħalma ġara fil-każijiet ta’ hawn fuq.

    Fil-ħatriet passati tal-ġudikanti, nemmen li ġara ġara u li kien kien. Ma naqbilx illi l-qrati tagħna jiġu distabilizzati b’kawżi li jattakkaw l-ħatra ta’ maġistrati u mħallfin li fl-aħħar mill-aħħar inħatru bl-istess proċedura li ilha teżisti mill-indipendenza ’l hawn, u li tista’ toħloq terremot fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna. Iżda għall-futur jeħtieġ illi ssir struttura ġdida ta’ kif jinħatru l-ġudikanti ta’ pajjiżna biex mhux biss tiġi assikurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom iżda wkoll li jkunu jistgħu jagħtu ġustizzja għarfa skont il-ġurament tagħhom.