Il-Maġistrat Mifsud u l-NGO Repubblika

    Riċentament il-Maġistrat Dr Joe Mifsud żamm inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-NGO Repubblika dwar maltrattament ta’ immigrant imżewqa b’allegazzjonijiet serji ta’ qtil, bis-swaba’ jippuntaw lejn persuni ta’ awtorità bħalma huma l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati. Il-Maġistrat Mifsud żamm din l-inkjesta u għalaqha b’rapport kif normalment isir.

    Ir-rapport tal-Maġistrat fih xejn anqas minn 491 paġna u wara li l-gvern ġimgħa ilu ħass li kellu jippubblikah, wieħed faċilment seta’ jgħid illi dan ir-rapport jidħol f’ċerta dettall. L-inkjesta kienet il-frott ta’ żewġ rapporti li għamlet l-NGO Repubblika mal-Pulizija fejn fl-ewwel rapport ġie allegat illi l-Prim Ministru u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ħallew immigranti jmutu meta kienu fid-dmir li jsalvawhom u fit-tieni rapport ġie allegat li membri tal-forzi armati kienu telgħu fuq dinghy tal-immigranti u qatgħu l-cables tal-mutur.

    AQRA: Inkjesta ssib l-AFM u l-PM mhux ħatja ta’ omiċidju

    Matul din l-inkjesta li nistgħu ngħidu li grazzi għall-effiċċjenza tal-Maġistrat inkwirenti saret fi żmien rekord u bla telf ta’ żmien instemgħu xejn anqas minn 156 xhieda fosthom membri ta’ Repubblika, il-persuni investigati, immigranti u ħafna persuni oħra. Ġew maħtura wkoll persuni esperti biex jassistu lill-Maġistrat fit-tfittxija għall-verità.

    Mhux se nidħol fid-dettalji jew analiżi tar-rapport. Dan jista’ jiġi aċċessat online wara li l-gvern għoġbu jippubblikah. Ir-rapport jiena rajtu u jidħol f’ħafna dettalji li mhux biss jindirizzaw l-investigazzjoni tar-rapporti nfushom iżda tal-pjaga tal-immigrazzjoni illegali – pjaga kemm għall-immigranti nfushom li ħafna drabi jirriskjaw ħajjithom, u pjaga għal min irid isalvahom u jirċevihom f’pajjiżu. Il-maġistrat għamel ħafna rakkomandazzjonijiet għaqlin u utli li jkun sew kieku l-gvern jiflihom waħda sew.

    Minn naħa l-oħra wara li sema’ dawk ix-xhieda kollha u wara li ra l-provi kollha li kellu quddiemu, il-maġistrat ħass li r-rapporti tal-NGO Repubblika kienu infondati. Dan ma għamlux b’mod leġġer iżda wara li ta raġunijiet iddettaljati għad-deċizjoni tiegħu. Dan hu l-mod kif jimxi l-Maġistrat Mifsud. Kull avukat li ħadem ma’ dan il-Maġistrat jaf kemm hu prattiku dan il-maġistrat iżda fl-istess ħin skrupluż u metikoluż f’dak li jiddeċiedi. Il-Maġistrat Mifsud fl-aħħar tar-rapport tiegħu saħansitra ġibed l-attenzjoni tal-gvern li dan żbalja meta ħassar il-liġi tal-inġurja jiġifieri l-liġi li kienet tippenalizza lil min iħammeġ lil ħaddieħor bla bżonn. Meta l-gvern neħħa l-liġi tal-libell kriminali (tal-ġurnaliżmu) probabbilment b’nuqqas ta’ attenzjoni tajjar ukoll din il-parti tal-liġi, bil-konsegwenza illi jekk wieħed iħammeġ lil ħaddieħor bla bżonn il-Pulizija ma jistgħux jieħdu passi. Il-kumment tal-maġistrat f’dan ir-rigward jista’ faċilment jiftihem illi r-rapport ta’ Repubblika ma kien xejn għajr inġurja li ħammġet lil ħaddieħor bla bżonn. Il-maġistrat wera wkoll id-dixxiplina meħtieġa fejn pereżempju xhud partikolari ġie mwissi għall-aġir tiegħu wara xi kummenti li għamel fuq il-midja soċjali.

    Illi l-NGO Repubblika sussegwentament ħarġet dokument permezz ta’ ittra indirizzata lill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech fejn talbitu biex jerġa’ jibgħat ir-rapport lill-Maġistrat Inkwirenti biex jerġa’ jinvestiga, għaliex skont hi din mhix kompluta u fiha nuqqasijiet.

    Qabel xejn nibda biex ngħid illi kemm għal min għandu għarfien fil-liġi u anke għal min m’għandux ir-rapport speċjalment dak fir-rigward tal-prim ministru u l-kap kmandant tal-forzi armati kien wieħed imġebbed. Rapport li xħin tagħmlu diffiċli temmen fih. Rapport illi hu frott ta’ tiġbid ta’ immaġinazzjoni legali żejda. Rapport li jien u bħali naħseb hawn ħafna, jiddubitaw il-ġenwinità tiegħu. Issa wara li dan ir-rapport bażwi ġie trattat u investigat f’ċertu dettall u importanza, iżda li wara li ġie skreditat, min għamlu donnu xorta ma jridx jammetti l-frugħa tal-istess rapport u jew biex jippreserva ġieħu, jew għax verament qed jara bħaż-żiemel meta jlibbsuh il-kappestru fuq għajnejh, jew għal xi raġuni li jafha hu biss qed jippersisti u jindika dawk li jsejħilhom nuqqasijiet li fil-verità ma huma nuqqasijiet xejn. L-allegati nuqqasijiet speċjalment fejn jgħidu li l-maġistrat messu semma din u messu semma dik huma biss ftietaq bla sustanza li żgur bl-ebda mod ma jistgħu jxejnu jew ibiddlu r-rapport tal-inkjesta maġisterjali.

    Ma nemminx u ma nistenniex illi l-Avukat Ġenerali għandu jaċċetta t-talbiet fl-ittra ta’ Repubblika. Iżda nemmen u nistenna illi issa l-Avukat Ġenerali probabbilment jispiċċa fil-mira ta’ xi attakk politiku. U hekk ir-rota li issa drajna biha, tibqa’ ddur.