Il-lista tal-mistednin (u r-rigali)

    Kull min xi darba organizza okkażjoni bħal tieġ jew preċett jaf kemm il-lista tal-mistednin hija biċċa uġigħ ta’ ras. Ma tkun trid tħalli lil ħadd barra minnha imma ma tkunx trid tistieden lil min ġieb u laħaq.

    Aktarx Joseph Muscat ma kellux minn dan l-inkwiet meta fi Frar tas-sena li għaddiet organizza birthday party għalih innifsu fil-Palazz tal-Girgenti fis-Siġġiewi. Għal dan il-festin għoġbu jistieden mas-70 ruħ, naturalment kollha persuni qrib sew tiegħu iżda mhux Ministri u Segretarji Parlamentari.

    Ftit tal-jiem ilu sirna nafu li fost il-mistednin tal-qalba kien hemm Yorgen Fenech, wieħed mill-mandanti tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u sid il-power station il-ġdida u tal-kumpanija 17 Black. Kif jixraq Yorgen Fenech ma marx b’idu f’idu. Bħala rigal għal Joseph Muscat ħa miegħu tliet flixkien inbid ta’ klassi, Pétrus, li b’kollox jiswew mal-€5,000.

    M’hemmx dubju li għal dan il-party Joseph Muscat stieden għadd ta’ persuni oħra tat-tip ta’ Yorgen Fenech. M’għandux ikollna dubju wkoll li bħal Yorgen Fenech, dawn il-mistednin ħadu magħhom rigali ta’ klassi għal Joseph Muscat. S’issa ma nafux min kienu l-mistednin l-oħra u x’rigali ħadu magħhom.

    Nafu biss b’Yorgen Fenech. U sirna nafu mhux għax Joseph Muscat kien onest magħna iżda għax kixfu ħaddieħor.

    Imma għalfejn għandna nkunu nafu min kienu l-mistednin ta’ Joseph Muscat u x’rigali qala’?

    L-ewwelnett għaliex Joseph Muscat iċċelebra għeluq sninu fil-Palazz tal-Girgenti, privileġġ li hu jgawdi għax kien u huwa l-Prim Ministru ta’ pajjiżna. Kieku kien ċittadin privat kien ikollu jiċċelebrah id-dar jew x’imkien ieħor u mhux f’bini li huwa tagħna lkoll.

    It-tieni nett għaliex bħala Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss għandu jkun ‘il fuq minn kull suspett iżda jkun jidher li huwa ‘il fuq minn kull suspett.

    It-tielet nett għaliex bħala ċittadini għandna dritt nkunu nafu ma’ min jagħmilha u jħossu komdu ħafna l-Prim Ministru u għalhekk min huma l-persuni li l-aktar għandhom influwenza u kontroll fuq il-Prim Ministru ta’ pajjiżna.

    Ovvjament Joseph Muscat mhux ser jgħidilna min kienu l-mistednin tiegħu u lanqas ser jgħidilna x’rigali qala’. Ser ikollna niskopru aħna.