Il-libertà tal-espressjoni: Għan-Nazzjonalisti biss?

    Gurnalista, Gurnalismu, Journalism

    Issa ili ħafna snin nikteb artikli fil-media lokali. Meta tkun ilek tikteb ħafna u tkun tikteb ta’ sikwit fuq il-politika, tidra tinjora għal kollox ċerta kritika, anke goffa, li ssirlek. Jien dejjem irraġunajt li ladarba tikteb materjal li ħafna ma jaqblux miegħu minħabba l-opinjoni politika tagħhom, trid taċċetta wkoll kummenti li jipprovaw iwaqqgħu l-argumenti tiegħek.

    Ħaġa waħda biss baqgħet dejjem iddejjaqni: dik li hawn min dejjem jippriedka fuq il-libertà tal-espressjoni iżda mbagħad jippretendi li din għandha tkun għan-Nazzjonalisti biss. Għaliex qed ngħid dan?

    Qed ngħid dan propju għaliex għad hawn Nazzjonalisti li jaħsbu li għadna fis-snin sittin u li ċerti sezzjonijiet tal-media indipendenti għandhom jiċċensuraw il-kitbiet tal-Laburisti.

    Pereżempju, ma stajtx ma ninnotax li numru ta’ Nazzjonalisti jippretendu bi dritt li l-media tal-knisja m’għandiex iġġib ċerti kitbiet favur il-Partit Laburista. Qed ngħid dan għax dan l-aħħar qrajt iktar minn darba ċerti kummenti bħal: “dan l-artiklu kif deher fuq Newsbook?” – Bħallikieku Newsbook qiegħed hemm biex jaqdi biss l-interessi u l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista!

    Sfortunatament, dan kollu huwa parti minn dak is-“sense of entitlement” li għad għandhom numru ta’ Nazzjonalisti li issa jidher li reġgħu kisbu ċerta saħħa fil-Partit Nazzjonalista. Biex inkun ġust, nistqarr li mhux kulħadd huwa hekk u li hemm ħafna Nazzjonalisti ġenwini u li ħaqqhom kull rispett għax jirrispettaw id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni fil-veru sens tagħhom.

    Min irid isikket il-vuċi tal-Laburisti fuq il-media indipendenti qed jagħti sinjal li “la verità offende”.