Il-kundizzjonijiet diżumani fl-… 1819? Le, fl-2019

    Tal-lum bloggata ftit differenti minn tas-soltu. M’għandix ktieb għalikom, imma artiklu mit-Times Ingliża.

    Ħafna minnkom semgħu dal-aħħar jiem bl-episodju bejn Sefora Tabone, omm ta’ tifel bl-awtiżmu, u l-Breakfast Club tal-iskola fejn jattendi binha. Bħal dejjem fl-epoka tal-midja soċjali, mill-episodju oriġinali baqa’ biss ftit, meta mqabbel mal-isteriżmi ta’ nies li m’għamlux l-isforz jaqraw sew x’ġara imma kienu pronti jpeċilqu fuq Facebook u bnadi oħra jew kontra l-LSEs jew kontra l-omm.

    L-iskop ta’ din il-bloggata mhux li nidħol fl-argument – li fl-aħħar mill-aħħar hu, u kellu jibqa’, kwistjoni bejn l-omm u l-awtoritajiet skolastiċi – imma biex forsi nifhmu ftit iżjed minn xiex ikun għaddej ġenitur ta’ tifel jew tifla bl-awtiżmu, u għaliex ġieli jirreaġixxu b’mod li forsi minn barra ma nifhmux jew narawh eċċessiv.

    Fit-Times Ingliża tat-18 ta’ Mejju 2019 deher artiklu “Autistic children are routinely restrained and drugged in care”, li nħeġġeġ lil kulħadd jaqra. L-artiklu esklussiv tat-Times jantiċipa żewġ rapporti li għandhom joħorġu fil-jiem li ġejjin fejn toħroġ statistika ġdida dwar l-ammont oxxen ta’ tfal l-Ingilterra, ġieli anki tfal ċkejknin ta’ għaxar snin, li l-awtoritajiet f’istituzzjonijiet ta’ kura mentali Ingliżi, li suppost qed jieħdu ħsiebhom, jużaw fuqhom “chemical and physical restraint hundreds of times a month”.

    Ir-rapporti jinkludu rivelazzjonijiet dwar pereżempju kif f’xahar wieħed biss 75 tifel u tifla b’awtiżmu u diżabbiltajiet simili ġew marbuta (“restrained”) 820 darba, jiġifieri 11-il darba għal kull tifel u tifla.

    F’115-il każ intużaw kimiċi (“chemical restraint”, jew f’kelma waħda biex inkunu ċari “drugging”) fuq tfal biex iżommuhom kwieti, u f’95 każ ġew issegregati u maqfula waħidhom ġieli f’ċelel żgħar mingħajr ebda kuntatt uman.

    Tissemma oħt pazjent tgħid kif lil ħuha, l-awtoritajiet li suppost kien fil-kura tagħhom “were restraining him and constantly injecting him in his leg and his bum” biex iżommuh kwiet.

    Dawn l-investigazzjonijiet kienu bdew wara l-każ notorju ta’ Bethany, tifla bl-awtiżmu li ġiet maqfula f’istituzzjoni mentali kontra r-rieda tal-ġenituri tagħha u li ilha s-snin tinżam maqfula f’ċella vojta fejn hemm biss saqqu u siġġu, u fejn jgħaddulha l-ikel minn ġo flap f’bieb tal-ħadid. Missier Bethany ilu s-snin fi ġlieda legali kontra l-awtoritajiet biex it-tifla ma tinżammx f’dawn il-kondizzjonijiet diżumani kontra r-rieda tal-familja. U sal-lum għadu ma rnexxilux joħroġha minn hemm ġew biex jieħu ħsiebha hu, f’dinjità li tixirqilha.

    Qed insemmi dan kollu, mhux għas-sensazzjonaliżmu imma biex forsi nifhmu ftit – qabel inparlaw xi kultant fil-vojt – kif ġenitur ta’ tifla jew tifel bl-awtiżmu jgħixu ħajjithom kollha fit-terrur li dan jaf ikun id-destin ta’ uliedhom. Hemm forsi nifhmu għala, meta – bħalma ġara – omm tara lil persuna fi rwol ta’ awtorità titlef il-paċenzja ma’ binha awtistiku jidħol sens ta’ panic enormi. Mhux għax il-persuna li qed tieħu ħsieb lit-tifel tkun b’xi mod qed tabbuża minn rwolha jew mit-tifel, jew għax nippretendu li m’għandhiex tinżamm dixxiplina magħhom, imma għax ġenitur ta’ tifel jew tifla bl-awtiżmu dejjem, 24/7, moħħu f’xe jsir minn uliedu ’l quddiem u x’se jkun id-destin tagħhom meta jkollhom ifendu għal rashom.

    Abbużi atroċi u, milli jidher, sistematiċi bħalma t-Times qed tirrapporta f’istituzzjonijiet ta’ kura l-Ingilterra, huma r-realtajiet li dawn il-ġenituri jaffaċċjaw u jridu jħabbtu wiċċhom magħhom u jsibu rimedju għalihom, għall-ġid ta’ wliedhom.