Il-Kriminalita f’Malta

    Il-Professur Saviour Formosa, Kriminoloġista tella konfereza fejn iddiskuta l-istatistika riċenti dwar il-kriminalita f’Malta. Ir-rapport li nieda f’din il-konferenza jgħati l-informazzjoni dwar is-sena 2015. Laqtitni l-figura fuq il-vjolenza domestika fejn ġie ikkwotat li r-rappurtaġġ ta’ din il-problema  żdied b’7 fil-mija. Tista tkun żieda ta’ rappurtaġġ – u dan ifisser li hawn aktar vjolenza milli nafu imma hemm xi wħud li għal raġuni jew oħra qed jaslu li jagħmlu rapport fejn qabel kienu jżommu nl-problema tagħhom mistura.
    Fir-rapport innifsu hemm li ġew irrapurtati 1205 każ fis-sena 2015. Fl-2014 kienu rrapurtati 1046 każijiet. Iż-żieda tidher ċara. Meta l-Professur Formosa studja l-kategoriji varji ta’ din l-istess problema, huwa qal li waħda miż-żidiet prinċipali kienet fi ‘ħsara psikoloġika’.
    Nistaqsi: x’qiegħed jiġri f’dan il-qasam? Għaliex qiegħed dejjem jiżdied dan l-għaġir inaċċettabbli. Għaliex hawn min qed jirrikorri għall-vjolenza? Li wieħed ma jaqbilx f’kollox ma min ikun hemm madwaru hija ħaġa normali, imma hemm bżonn li wieħed ikun vjolenti? Għaliex l-aggressuri jemmenu li għandha tgħaddi tagħhom? Qrajna kemm il-darba artikli rriċerkati fejn urew ċar li meta persuna tirrikorri għall-vjolenza, dan tagħmlu għax taħseb li hi ‘b’saħħitha’ aktar mill-persuna l-oħra.
    Il-vjolenza domestika hija definita bħala vjolenza bejn nies li huma f’relazzjoni ntima. Tista tieħu forom varji. Fil-fatt fir-rapport dwar il-kriminalita, hija definita bħala ‘stalking, slight bodily harm, grievous bodily harm and psychological harm’. Id-dokumentazzjoni li hawn fuq is-suġġett tikklassifika din il-vjolenza fi vjolenza fiżika, emozzjonali, ekonomika jew finanzjarja  u anke soċjali, fejn l-aggressur jara kif jista jiżola lill-vittma minn kull tip ta’ appoġġ li tista ssib.
    Vjolenza fiżika tiftiehem sew minn kulħadd. Imma nteressanti naraw r-rapport li jindika abbuż fiżiku ħafif u ieħor serju. Naħseb li meta persuna tesperjenza swat mill-persuna li suppost hija qrib u li tagħti sapport, din titqies bħala azzjoni negattiva ħafna u li tagħmel ħafna ħsara. Ma naħsibx li d-differenza bejn swat ħafif u swat aktar serju jagħmel impatt psikoloġiku differenti. Nifhem ukoll li għall-istatistika din id-definizzjoni hija mportanti ukoll.
    Vjolenza li ma turhiex sinjali fiżiċi hija aktar diffiċli biex tirrappurta u biex tippruvaha. Niftakar mara tgħidli kif is-sieħeb tagħha kien dejjem attent li ma jħalliex marki fuqha waqt li  psikoloġikament kienet imkissra għal kollox. Spiċċat tibża tiftaħ ħalqha għax kull ma kienet tgħid kien tispiċċa rredikolata. Semmejt mara, u għalkemm l-istatistika lokali turi ċar li huma aktar in-nisa li qed ibgħatu mill-vjolenza domestika, ma nixtieqx ngħati mpressjoni li m’hawnx rġiel li ukoll qed jesperjenzaw dan l-abbuż. Nirrikonoxxi ukoll li forsi għal raġel tista tkun aktar diffiċli sabiex jirraporta.
    Waħda mill-vantaġġi ta’ żmienna huwa l-fatt li illum nitkellmu bil-miftuħ fuq dan is-suġġett u għalhekk min qiegħed f’xi sitwazzjoni jista aktar jersaq lejn xi servizz u jitkellem. Ħafna drabi tara ċirku repetittiv fejn wara li ssir l-azzjoni naslu għall-maħfra. Imbagħad jerġa jirrepeti ruħu kollox mill-bidu u nibqgħu sejrin hekk …
    Illum il-liġi lokali taħseb ukoll għal-kura tal-aggressuri u tidderiġihom lejn servizzi apposta. L-aktar li jaħdmu huwa meta din id-direzzjoni tingħata mill-Qrati u tkun parti mis-sentenza. Waqt li l-maħfra u s-sogħba huma mportanti, ma naħsibx li huma biżżejjed biex l-aggressuri jindirizzaw għaliex iġibu ruħhom b’dan il-mod. Aktarx ikun hemm raġunijiet profondi ….imma la darba dawn jiġu identifikati jista jsir aktar xogħol fuqhom sabiex jiġu ndirizzati u kkontrollati.
    l-ebda tip ta’ vjolenza qatt ma tista tiġi ġġustifikata – dejjem hija att inaċċettabbli.