Il-kobor tal-ispirtu uman

    Illum inwiegħdkom li la se nsemmi lil Schulz, la lil Juncker, u lanqas lil xi ras kbira oħra fl-Ewropa. Lanqas ma jiena se nikteb fuq xi summit jew xi liġi Ewropea. Se nitkellem fuq bniedem mill-Kongo. Jismu Denis Mukwege u huwa tabib, propjament ġinekologu. Jgħix f’pajjiż li jinsab fi gwerra kontinwa fejn fost brutalitajiet oħra kien komuni l-istupru tan-nisa…eluf ta’ nisa, li spiċċaw sfreġjati mhux biss sesswalment imma anki psikoloġikament wara trawma li tibqa’ tippersegwitahom ħajjithom kollha.
    Mukwege uża l-ħiliet tiegħu biex offra trattament lil numru kbir ta’ nisa fil-Kongo. Jingħad li ġieli għamel mal-10 interventi f’ġurnata hekk kif kien jilqa’ saħansitra nisa li jaslu quddiemu għarwenin ħuta u f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna. Huwa waqqaf sptar li joffri refuġju għal dawn in-nisa u llum huwa rikonoxxut mad-dinja kollha għax-xogħol li jwettaq. Dan minkejja t-theddid li kellu jaffaċċja minn diversi bnadi f’pajjiżu. Sentejn ilu ġie attakkat f’daru minn 4 rġiel armati li żammew anki t-tfal tiegħu bħala ostaġġi. Meta wasal Mukwege skansa l-isparaturi bil-biex hekk kif intefa’ mal-art.
    Kien f’dan iż-żmien li huwa ġie lejn l-Ewropa. M’għandniex xi ngħidu, l-isptar li ħalla warajh ħass in-nuqqas tiegħu mhux ftit. Iżda huwa rritorna pajjiżu s-sena l-oħra fejn sab jilqgħuh mijiet ta’ nies, ħafna minnhom kienu pazjenti tiegħu.
    Nhar l-erbgħa Denis Mukwege se jkun Strasbourg biex jirċievi mill-Parlament Ewropew il-‘Premju Sakharov’ għal-Libertà tal-Ħsieb.
    Il-Parlament Ewropew huwa simbolu tad-diversità kulturali – huwa magħmul minn rappreżentanti minn kull naħa tal-Ewropa. Il-Premju Sakharov jingħata bħala rikonoxximent tal-impenn ta' individwi jew organizzazzjonijiet biex irawmu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
    Il-premju huwa msemmi għal Andrei Sakharov, ix-xjentist Russu, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi fl-1975. Sakharov kien ivvinta l-bomba bl-idroġenu għall-Unjoni Sovjetika. Inkwetat bil-konsegwenzi ta' xogħlu għall-futur tal-bniedem, huwa pprova joħloq għarfien dwar il-periklu tat-tellieqa għall-armi nukleari u wassal biex jiġi ffirmat trattat kontra l-provi nukleari. Fl-Unjoni Sovjetika, Sakharov kien meqjus bħala dissident sovversiv u ma beżax jikkritika r-reġim.
    L-awtoritajiet Sovjetiċi eżiljaw lill-Andrei Sakharov f'Gorky biex jillimitaw il-kuntatt tiegħu mal-barranin. Hemm sar jaf li l-Parlament Ewropew kien biħsiebu joħloq premju għal-libertà tal-ħsieb f'ismu. Waqt li kien għadu eżiljat, fl-1987, bagħat messaġġ lill-Parlament Ewropew fejn ta l-permess biex ismu jingħata lill-premju u esprima l-apprezzament tiegħu għal din id-deċiżjoni.
    Dan il-premju li jġib ismu jmur ferm lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa, anke minn dawk tar-reġimi oppressivi, biex jippremja lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lid-dissidenti fid-dinja kollha.
    Il-Parlament Ewropew huwa dan ukoll. Għaġna ta’ opinjonijiet varji u taqbid politiku, imma fuq kollox riflessjoni tal-valuri Ewropej.

    Dr. Peter Agius
    Kap tal-Ufficcju tal-Parlament Ewropew