Il-Knisja u l-abbużi fuq minorenni

    Il-ġimgħa l-oħra fl-Awstralja kien hemm id-deċiżjoni u s-sentenza fil-każ tal-Kardinal Pell mixli li abbuża minn subien minorenni. Dan il-kardinal kien fdat ħafna fil-Vatikan, u kien l-ogħla persuna fi ħdan il-Knisja Kattolika li qatt instab ħati ta’ reat simili. Ma hemmx xi tgħid, kienet daqqa ta’ ħarta u mument xejn sabiħ għall-Knisja Kattolika. Minn naħa l-oħra kienet ta’ gost kbir għal xi wħud f’Malta li jħobbu jagħmlu xalata minn dawn il-każi.

    Xi snin ilu f’Malta kellna l-każ notorju tat-tliet patrijiet li abbużaw minn xi subien li kienu fdati l-kura tagħhom. Dan il-każ fetaħ dibattitu sħiħ f’pajjiżna. F’għajnejn jew aħjar f’ħalq ħafna li jħobbu jpeċilqu, il-kunventi kollha tal-patrijiet f’Malta u Għawdex inbidlu fi briedel tal-biżafejn jiġu abbużati t-tfal. Sa riċenti tisma’ diskors u tara fil-midja soċjali dikjarazzjonijiet illi kull min jilbes is-suttana jew il-kullar huwa xi predatur perikoluż lest biex jaħtaf xi minuri.

    Imma dan minnu? U żgur li mhux. Ma rridx nidher li qed niddefendi lil min għamel abbużi bħal dawn. Għal kuntrarju min jagħmel dawn l-affarijiet ħaqqu kull kundanna u stmerrija. Iżda li nibża’ li qed jiġri huwa bħal każ tas-siġra tal-bosk li meta taqa’ ddamdam bosk kollu u l-għasafar fis-siġar jibdew itiru bil-biża’. Iżda dak ma jfissirx li jkun waqa’ l-bosk kollu. F’għajnejn min iħobb joħloq storja jew min iħobb jistrieħ bi kliem stess, ikun waqa’ l-bosk kollu, iżda fil-verità siġra waħda tkun waqgħet. Li minħabba l-ftit nigġeneralizzaw u jlaqqata kulħadd hu ħażin daqs dak il-wieħed li jkun jabbuża.

    Għal xi raġuni d-dnub tas-saċerdot jidher kbir wisq f’għajnejna. Ninsew li s-saċerdot hu bniedem bħali u bħalek li faċli jiżloq u jiżbalja bħal kulħadd. Is-saċerdot hu bniedem li jkollu d-dwejjaq u d-dgħjufijiet bħal kulħadd.  Jekk int kapaċi tkun ċuċ jew għaref, is-saċerdot kapaċi jkun ċuċ jew għaref daqsek, għax hu uman bħal kulħadd. Dawn l-abbużi ma jsirux biss mill-qassisin. Sfortunatament isiru minn nies f’kull sfera tas-soċjetà, iżda tal-bqija ftit li xejn jidher. Wieħed jista’ bir-raġun kollu jargumenta illi l-qassis qiegħed hemm biex jgħallimna naħarbu d-dnub, u allura hu aktar gravi meta jidneb hu. Naqbel perfettament. Iżda ninnota wkoll li l-Pulizija qiegħed hemm biex ma tinkisirx il-liġi, iżda meta xi pulizija jikser il-liġi ma jqum l-ebda kjass aktar minn normal. Tal-qassisin erħilna nippumpjawh u nonfħuh, u jekk hemm bżonn inżidu xi melħa miegħu.

    L-opinjoni tiegħi hi li xi wħud mill-Maltin jieħdu gost iħażżqu lil kleru għal raġunijiet li jafu huma biss. Lill-kleru jfittxuh biss għal xi magħmudija jew għal xi prietka tajba waqt il-funeral ta’ missierhom, jew forsi biex imorru jittallbu xi pjaċir. Hemm hekk infaħħruh lill-qassis. Imma mal-ewwel każ li jinstema’, anke jekk fin-naħa l-oħra tad-dinja erħilna niġġeneralizzaw, u nitfgħu lil kull suttana u ċoqqa li teżisti fl-istess keffa.

    Il-ġid tal-qassisin li ssagrifikaw ħajjithom u ċ-ċelebat tagħhom għal fidi tagħna għandna ħabta ninsewh u niftakru fih għall-bżonn biss. Affarijiet oħra li fil-verità huma affarijiet iżolati nieħdu gost niftakruhom u nfakkruhom. Jekk xi ħadd ma jħossux miġbud lejn il-knisja jew lejn il-qassisin li jiffurmaw parti minnha, affari u dritt tiegħu. Iżda minn naħa l-oħra ħadd m’għandu dritt ipeċlaq u jtaqtaq bħal pappagali  fil-konfront ta’ min qatt ma naqsu jew addirittura dejjem ra ġid minnu.