Il-klima li bidlitna

    Qiegħed fuq il-bejt naqla’ l-ħwejjeg minn fuq il-ħbula tal-inxir. Dalgħodu sebaħ umdu. Bil-lejl kienet qattret ukoll. Iżda mal-jum kien qam ir-riħ sew. Hekk kif wasalt id-dar mill-klinika tfajt borma ħaxix fuq nar baxx u mill-ewwel tlajt għal fuq is-setaħ. It-tħaxwix tal-weraq tas-siġar mar-riħ ivenven kien jinstema’ sew u bosta mill-ħwejjeg sibthom imħabblin mal-ħbula. Xi ħadd irid ikun. Marlene kienet inqabdet xogħol.
    Dlonk daqq il-mowbajl. Kont qegħdtu fil-post fejn inqegħdu s-soltu meta nkun hawn fuq, f’kantuniera fuq iċ-ċint tal-bejt. Ġrejt għalih. Ħsibt li kienet telefonata minn Marlene, iżda hekk kif qbadtu, fuq il-linja nstema’ leħen ta’ raġel mifxul. Għedtlu min jien u skuża ruħu. Qalli li kien ċempel numru ħażin. Ma kontx nafu u għalkemm għidtlu min jien innutajt li ma kienx għarafni.
    Kont se naqta’…iżda tant ħassejtu nkwetat li sibt ruħi ngħidlu :’Nista’ ngħinek?’ B’leħen imqanqal qalli: “Tabib: għajjejt niġri minn Kajfas għal għand Pilatu. Ili tlett ijiem inċempel ‘l hawn u ‘l hinn, minn sezzjoni għall-oħra tal-Korporazzjoni tas-Servizz tal-Ilma biex jiġu jirranġaw id-drenaġġ li qed jiskula fit-triq minn tappiera. It-triq nitnet.”…Ippruvajt insabbru. Meta staqsejtu minn fejn hu, fil-pront qalli “Ħaż-Żabbar.” Meta nnutajt li hu kien fil-fatt dar kullimkien imma l-ilment baqa’ f'wiċċu spjegajtlu li fiċ-ċirkostanzi, aħjar iċempel 1182 u jistaqsi għal Customer Care tal-Ministeru tal-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma…Ħsibt li l-linja nqatgħet imma wara waqfa ta’ ftit sekondi qalli: ‘Hekk hu…Hekk missni għamilt, għax illum hekk trid tagħmel biex tinqeda’ u sellimna lil xulxin.
    Mingħajr ma naf kont sibt ruħi nippassiġġa… ħarist lejn il-kumplament tan-naxra u irħejtilha nhewden bejni u bejn ruħi. ‘X’attitudni! X’servizz!’ Kullħadd sa xibru sar jara…vera sirna scarsa facendi. Minflok fejn ċempel l-ewwel darba qdewh jew ħadlu d-dettalji u rrefera l-każ, tah numru ieħor fejn iċempel…u hekk għamel ta’ warajh…sakemm spiċċa jċempel lili bi żball.
    Ġbart is-sorra u nżilt isfel. Tfajt il-ħwejjeġ fuq is-sodda u minn fuq il-komodina ġbart it-tablet, poġġejt fuq il-friex u qbadt nikteb dan l-artiklu qabel ma jtir il-ħsieb mar-riħ. 
    Kos, ftit li xejn sirna kburin b’dak li nagħmlu fuq il-lant tax-xogħol. Imma tgħid x’ġara biex bosta minna saru hekk? Il-komportament tagħna f’soċjetà li nbidlet, ma għadux dejjem jintgħaraf.
    Ikolli nistqarr li xi wħud minna lejn iċ-ċekk tal-aħħar tax-xahar biss saru jħarsu. Issibha f’kull qasam minn professjonist sa ħaddiem tas-sengħa u mhux. Bħas-susa din l-attitudni qed tmermirna. Id-dover, l-obbligi u r-responsabbilità ta’ kull wieħed minna mhux dejjem qed jiġu segwiti…spiċċajna nħarsu lejn l-uċuħ…anzi mhux talli hekk, talli ssib min jara kif se jdabbar lira żejda minn taħt.
    Dan it-tnawwir beda jinxtered minn fuq għal isfel. Il-poter ikkorrompa l-għemil korrett, il-politika onesta osfrot u t-tolleranza tilfet boxlitha…u l-politika partiġġjana u l-politika ta’ perċezzjoni xekklet il-ħsieb u għalqet il-bieb għall-ħsieb ħieles…u l-poplu nħakem minn biżgħa fejn qed iqis sew kif u meta għandu jitkellem. Iċ-ċentru tal-politika ma għadhiex id-dinjità tal-persuna u l-mod kif kull bniedem jilħaq il-milja tiegħu.
    Biex tgħaxxaqha, minflok ħadna s-sugu tal-globalizzazzjoni ħadna d-doża qarsa tagħha wkoll, u mal-politika polarizzata li ħakmet il-pajjiżna, is-soċjetà tagħna spiċċat inbidlet f’waħda personalizzata…soċjetà ddominata minn: individwaliżmu, konsumiżmu , multikulturaliżmu u sekulariżmu.
    L-alla falz saru l-ewro…u aktar ma persuna jkollha aktar tkun trid trekken. Agħar minn hekk, bosta minna spiċċajna lanqas biss naħsbu u nagħrfu dak li hu tajjeb mill-ħażin…anzi spiċċajna f’sitwazzjoni fejn il-ħazin inpinġuh tajjeb. Din hi l-marda soċjali ewlenija li spiċċajna lkoll inbatu biha.
    Barra kamarti r-riħ kien sar riefnu…id-dehxa tal-arja kiesħa kienet tinħass. Sew jgħid il-qawl: Marzu marzellu jħabbat il-bieb u jsabbat ir-rixtellu…
    ‘Kaġun t'hekk…in-normi nbidlu…u l-valuri u prinċipji qed jintesew. Tlifna l-fibra morali’ spiċċajt intenni waħdi. Pajiżna fl-aqwa żmien spiċċa mhux normali. Spiċċajna pajjiż f’sakra li mhux qed jara art.
    Ara vera l-klima… bidlitna.
    Hemm ħtieġa li nerġgħu nfittxu l-vera identità tagħna. Dak il-patrimonju li bih nerġgħu nibnu u nsaħħu l-fiduċja, l-għaqda, l-għożża, l-korrettezza u t-tama…dik ir-ruħ soċjali li kienet tagħrafna…dik l-irġulija u s-sens ċiviku li jagħmluna lkoll kburin… dik il-kuntentizza li ssaħħaħna.
    Sliem
    Dr Godfrey Farrugia huwa Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku