Il-kirjiet u l-Covid-19

    Sa ftit żmien ilu l-kirjiet f’Malta kienu sparaw ’il fuq. Sparaw ’il fuq kemm mil-lat ta’ domanda kif ukoll mil-lat ta’ prezzijiet li kienu qed jintalbu għall-kirjiet. Id-domanda kienet waħda kbira ġġenerata prinċipalment minn barranin li għażlu jiġu jaħdmu f’pajjiżna, u dan kemm kwantu ta’ nies mill-Unjoni Ewropea li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu jaħdmu jew jiftħu negozji f’pajjiżna kif ukoll kwantu ta’ persuni barra mill-Unjoni li sabu xogħol f’Malta. Ħafna kienu jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni jew fl-industriji tal-catering u l-ospitalità – oqsma li t-tlieta laqqtu daqqa ta’ ħarta immens bil-pandemija tal-Covid-19.

    Il-prinċipju tal-ekonomija illi fejn tiżdied id-domanda jiżdied il-prezz, ħadem perfettamanet fil-każ tal-kirjiet. U l-prezzijiet bdew telgħin. Bħalma jiġri dejjem ikollok dawk l-individwi li b’ħalq miftuħ u żaqq bil-ġuħ jaqbżu fuq il-karru bil-mod tagħhom u jabbużaw. Il-kirjiet saru xi ħaġa tal-biża’ u l-prezzijiet li kienu qed jissemmew kienu tal-biża’ aktar. Bdew jissemmew termini ġodda bħalma hu t-terminu ‘rental investment’ li qabel qatt ma kienu jissemmew; fejn issa li tixtri appartament u tibda tikrih –  dak  beda jikkonsisti f’investiment. Bla dubju fejn  jidħlu l-kirjiet ir-ruħ soċjali marret il-baħar.

    Il-gvern affaċċjat b’din is-sitwazzjoni ħass li kellu jintervjeni u jagħmel liġijiet biex jirregola l-kirjiet. Frankament ngħid illi l-gvern ħareġ barra minn friexu u għamel regolamenti li mhux biss ma kinux neċessarji iżda li fl-opinjoni tiegħi huma anti-kostituzzjonali.

    Bil-liġijiet ġodda l-gvern reġa’ daħħal ħjiel tal-liġi anarkika li kienet teżisti qabel is-sena 1995 u li għal bosta drabi ġiet dikjarata anti-kostituzzjonali u bi ksur tad-drittijiet funadamentali, fejn il-gvern impona ċerta kundizzjonijiet li għandhom japplikaw anke f’każ li l-partijiet qablu b’mod differenti speċjalment bil-mod kif tiġġedded jew tintemm il-kirja. Il-gvern mar fl-opinjoni tiegħi anti-kostituzzjonali.  Il-gvern seta’ rregolarizza l-kirjiet b’mod aktar sempliċi u kien jassikura kemm li ħadd ma jabbuża kif ukoll li hu jkollu moħħu mistrieħ li se jirċievi sehmu mit-taxxi.

    Iżda mbagħad feġġet il-famuża pandemija tal-Covid 19 li bħalma rażżnet ħafna affarijiet tajbin u oħrajn anqas tajbin mad-dinja kollha, lebtet kompletament is-suq tal-kera f’Malta u f’ħakka t’għajn solviet il-problemi kollha li kien qed iġib miegħu u li l-gvern bil-liġi l-ġdida mhux bilfors kien qed isolvi. Iżda din ġabet problemi oħrajn ġodda.

    Ħafna barranin f’Malta li kienu qed jgħixu f’kirjiet residenzjali kollha kellhom l-impjieg tagħhom imwaqqaf. Bħalma ntqal aktar ’il fuq l-maġġor pari ta’ dawn kienu jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni u tas-settur turistiku li huma fost l-agħar li ntlaqtu kawża ta’ din l-imxija. Uħud mill-barranin telqu lejn pajjiżhom iżda parti sostanzjali baqgħu hawn. U baqgħu hawn bil-familji u bla xoġħol. Dawn bdew u għadhom qed jippretendu li jibqgħu jgħixu fil-postijiet mikrija u ma jħallsux kera. U anke li jibqgħu fil-kirja wara li tagħlaq (għax ħadd mhu se jikrilhom bla flus). Personalment fix-xogħol tiegħi qed niltaqa’ ma’ ħafna minn dawn il-każi.

    Ħafna qed jirraġunaw li għax mhumiex jaqilgħu paga jistgħu ma jħallsux. Dan hu skorrett. U ġaladarba wieħed jibqa’ fil-kirja wieħed irid jibqa’ jħallas il-kera kif miftehma. Jekk is-sid irid inaqqas xi ħaġa b’rieda tajba jista’ jagħmel dan, iżda dan ikun biss bona grazzja tiegħu u bl-ebda obbligu.

    Nemmen illi jekk iċ-ċirkostanzi ta’ min qiegħed fil-kera nbidlu b’tali mod li assolutament ma jistax ikopri l-kera, dan jista’ jiġi ikkunsidrat bħal forza maġġuri u għalhekk ikollu l-jedd li jwaqqa’ u jtemm il-kirja. Iżda f’dak il-mument li hu jiddeċiedi li jibqa’ fil-kirja huwa ma għandu l-ebda għażla oħra għajrli jħallas il-kera miftehma. Minn naħa l-oħra l-kirja tiġi fi tmiemha fit-terminu miftihem u s-sid għandu l-jedd għall-post tiegħu lura.