Il-kimika fin-nar tal-festi

    F’artiklu li qrajt fi tmiem il-ġimgħa tqajjem il-punt dwar ċerta kimika li l-‘bombi’ tan-nar qed iħallu fl-ambjent ta’ madwarna u l-effett li din tista jkollha fuq is-saħħa tal-poplu.
    L-informazzjoni ġejja mingħand il-Professur Alfred Vella u hija miġbura b’mod xjentifiku u allura ta’ min joqgħod fuqha. Din l-informazzjoni toħroġ minn rapport li kien miltub jagħmel il-Professur Vella fl-2010 meta kellna numru ta’ disgrazzji marbuta mal-kmamar tan-nar.
    Żgur li lkoll nifhmu li waqt li d-dritt li niddevertu huwa dritt importanti u neċċessarju, ma nistgħux inpoġġu ħajjitna u ħajjet ħaddieħor f’periklu qisu xejn. Speċjalment la nafu bil-konsegwenzi li jistgħu jkun hemm.
    Qed nitkellmu fuq is-Saħħa Pubblika u filwaqt li kull individwu għandu jieħu r-responsabbilta tiegħu nnifsu, huwa l-iStat li jrid jara li s-saħħa tal-poplu hija mħarsa.
    L-artiklu għamel numru ta’ mistoqsijiet u għalhekk wieħed jistenna lid-diskussjoni nazzjonali tibda u l-poplu jingħata dik l-informazzjoni li tgħinu jagħmel deċiżjonijiet għaqlija fuq is-suġġett. Id-diskussjoni trid tkun xjentifika u filwaqt li mhux faċli nħallu barra l-emozzjonijiet, jekk inħallu l-emozzjonijiet jiġru bina, allura ma tkunx diskussjoni veru sana.
    Irrid nenfasizza d-dritt li l-poplu għandu għall-informazzjoni sabiex ikun jista juża moħħu u mhux isib ruħu mmexxi minn imnieħru jew mill-passjonijiet. Hija l-informazzjoni li tagħmel id-differenza bejn diskussjoni li tagħmel is-sens u oħra li sfortunatament ma twassal għal imkien.
    Parti mid-diskussjoni trid tiffoka fuq jekk is-sitwazzjoni li għandna llum hijiex sostenibbli. Nistgħu nħallu l-affarijiet kif inhuma? Nistgħu ninjoraw kollox qisu m’hemm l-ebda problema? Hemm livelli aċċettabbli li xjentifikament juru li ma ssirx ħsara lil bniedem? Ir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet irid ikunu il-pedament li jservu ta’ bażi għal azzjoni li trid titieħed. Irridu wkoll inkunu ġusti ma’ kulħadd u mhux naqtgħu għad-dritt imma waqt li nirrispettaw is-saħħa tal-poplu, nirrispettaw ukoll d-drittijiet ta’ kulħadd u wkoll it-tradizzjoni tagħna. L-għaqal jidher meta jinstab il-bilanċ bejn l-aspetti kollha involuti. Kulħadd irid iċedi biċċa basta ma jkunx hemm ebda kompromess fuq is-saħħa.
    X’se ngħidulhom lil dawk li saħħithom hi jew tkun effettwata? Forsi li ma konniex nafu jew li ma kellniex informazzjoni? Ma nistgħux … għax nafu u informazzjoni għandna. Anzi informazzjoni miġbura lokalment, allura l-argument li ġieli smajna lir-riċerka barranija mhux bilfors applikkabbli għalina ma jreġhiex. Forsi nammettu li ma ħadniex deċiżjonijiet għax kien hawn min ma jaqbilx??
    Il-vulnerabbli huma r-responsabbilta tas-soċjeta kollha, speċjalment jekk dawn ikunu bla vuċi. Gandhi qal li naraw kemm hi matura soċjeta meta naraw kif tieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli.
    L-evidenza xjentifika għandha twitti t-triq u twassalna għal deċiżjonijiet għaqlija. U kif tkun qed issir id-diskussjoni nazzjonali fuq dan is-suġġett, ma nagħmlux ħażin li naraw ukoll l-ammonti ta’ ħsejjes li qed ikollna madwarna u kif dan jaffettwa s-saħħa tan-nies. Mhux possibbli li ma jsir xejn fuq dan kollu. Nistenna li nisma aktar fuq dawn is-suġġetti, nitgħallem u nara li l-aħjar deċiżjonijiet qed jittieħdu.

    Sina Bugeja