Il-każi dwar il-libertà tal-espressjoni f’Malta

    Din il-ġimgħa kont qed naqra artiklu f’ġurnal lokali tal-Imħallef Emeritu fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, fejn kritika negattivament lill-ġudikatura Maltija fl-għoti tas-sentenzi dwar kawżi ta’ libell u spjega kif meta waslu quddiem Qrati internazzjonali, dawn is-sentenzi tal-Qrati tagħna ġew stmati bħala ‘żibel’ (garbage). Bonello spjega li dawn is-sentenzi messew ma xejn anqas minn 36 maġistrat jew imħallef qabel ma nqallbu mill-Qorti Ewropea. Jgħid li l-qrati Maltin ivvittimizzaw lil individwu li kellu d-dritt tal-espressjoni tiegħu miksur.

    Allura l-mistoqsija li toħroġ awtomatikament hija, possibbli dawn is-36 mħallef u maġistrat ma jafux x’inhuma jagħmlu; jew huma injoranti għal-liġi; jew mhux kapaċi jiġġudikaw sew? Din hi l-impressjoni li prova jagħti l-awtur ta’ dak l-artiklu li saħansitra jsejjaħ dawn id-deċiżjonijiet bħala ‘massakru’.

    Is-sitwazzjoni hi differenti. Qabel xejn wieħed ma jridx jimla rasu bin-numri. Għalkemm fl-artiklu jissemmew 20 sentenza u 36 ġudikant, in-numru ta’ dawn il-każijiet kien ta’ sitta biss, iżda bejn appelli u bejn kawżi kostituzzjonali, kull każ jista’ jkaxkar miegħu sa minn lanqas erba’ sentenzi kollha fuq l-istess mertu.

    Żgur li mhux se nikkondividi l-opinjoni tal-imħallef Bonello u nikklasifika d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati Maltin bħala skart, anke jekk il-Qorti Ewropea ma qablitx magħhom. L-ispjegazzjoni li nemmen li hi l-aktar plawsibbli hija illi fejn tidħol kwistjoni ta’ libelli, il-qrati tagħna huma aktar konservattivi u riġidi. U dan forsi għal raġunijiet partikolari għall-gżira tagħna.

    Ma rridx infisser illi d-drittijiet tal-bniedem għandhom ivarjaw minn territorju għal ieħor. Xejn minn dan. Iżda hu fatt illi jekk nimmalafma bniedem f’komunità żgħira l-effett żgur mhux se jkun l-istess bħal jekk nimmalafamah f’komunità akbar fejn ħadd ma jimpurtah minn ħadd . F’Malta f’sagħtejn l-aħbar iddur mal-pajjiż kollu, u f’komunità żgħira bħalma hi tagħna l-effetti tal-libell se jinħassu ħafna u ħafna aktar, sew jekk il-persuna attakkata tkun politika, sew jekk le. B’dak il-fatt allegat se jkun jaf il-pajjiż kollu, u f’komunità fejn kulħadd jaf lil kulħadd, il-malafama se jkollha aktar effetti ħarxa ta’ stmerrija lejn l-individwu.

    Mill-banda l-oħra jekk se nitkellmu fuq libell ta’ persuna politika wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ir-rwol li tilgħab il-politika f’pajjiżna. F’pajjiżna għandek faxxa ta’ nies li jorqdu u jqumu għall-politika – jew forsi aktar minn hekk biex jiddibattu l-politika. Lil hinn minn dawn in-nies il-poltika u n-nies li jifformawha huma suġġett ta’ interess għal kull Malti u Għawdxi. Ma nistgħux niċħdu li l-politika tilgħab parti importanti fil-ħajja soċjali ta’ pajjiżna, forsi ferm aktar minn pajjiżi oħra fejn il-poplu jqis il-politika bħala ħaġa sekondarja u fejn saħansitra ibati sabiex joħroġ jivvota jew għandu bżonn ta’ multa sabiex jagħmel dan.

    Wieħed irid jinterpreta d-deċiżjonijiet tal-qrati Maltin f’dan il-kuntest. Dawn id- deċiżjonijiet li ġew mogħtija lokalment ma jistgħux jiġu interpretati b’mod iżolat u jiġu klassifikati bħala skart u kritikati negattivament sempliċiment għaliex il-Qorti Ewropea fil-ġeneralità tagħha ma qablitx magħhom.

    Nemmen li l-qrati tagħna ddeċidew tajjeb meta kienu aktar konservattivi u taw aktar protezzjoni lil min ġie mħammeġ għal xejn b’xejn. F’soċjetà relattivament konservattiva l-weġgħa ta’ min ġie attakkat tinħass ferm aktar. U mingħajr ma jinbidlu fil-prinċipju wieħed għandu jevalwa l-impatt tal-malafama qabel ma jiddeċiedi jekk il-linja fina bejn id-dritt tal-espressioni u l-libell inqabżitx.