Il-karru tal-karnival, l-Arċisqof u l-vittmi abbużati

    Ritratt: Unsplash

    Frar magħna u Frar iġib miegħu l-karnival. Jien trabbejt f’ambjent fejn dejjem ġie aprezzat ix-xogħol tal-karnival speċjalment f’dawk li huma karrijiet u maskri grotteski. Dan peress illi nannuhi kien wieħed mill-pijunieri li fis-snin ta’ wara l-gwerra introduċa dawn il-karrijiet u maskri fil-gżira ta’ Għawdex.

    Fis-snin riċenti ġiet introdotta f’pajjiżna s-satira fil-karnival, ħaġa li f’pajjiżi ġirien tagħna bħalma hi Sqallija eżistiet minn dejjem bla limitu u bla ċensura. Din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li xi organizzazzjoni qed tħejji karru li jinvolvi l-Arċisqof b’rabta mal-kwistjoni li kienet feġġet xi snin ilu dwar abbużi fuq minorenni li kienu saru fid-dar ta’ San Ġużepp.

    M’iniex kontra s-satira. Lanqas m’jien kontra li s-satira tmiss xi darba lill-Arċisqof. Però bħal kollox is-satira trid tkun fil-limitu etiku, morali, u anke professjonali tagħha. Is-satira għandha tinvolvi biss uċuħ pubbliċi u qatt uċuħ privati li ma għandhom l-ebda funzjoni pubblika. Lanqas tista’ s-satira tindirizza entitajiet privati jew sitwazzjonijiet privati. Jekk isir hekk is-satira tiġi libelluża u l-imweġġa’ jista’ u għandu dritt ifittex fil-Qrati.

    Il-karru bl-Arċisqof ipprojbit mill-Karnival; “insensittiv” – Herrera

    Il-każ tal-abbużi fuq minorenni kien qajjem għagħa sħiħa snin ilu meta ħareġ fil-beraħ u bir-raġun. Minn dakinhar sal-lum tnejn mill-persuni li wettqu r-reat mietu u għad hemm kawżi li għadhom sub-judice fl-appell. Il-persuni involuti għajr wieħed li laħaq miet qabel il-proċess, ġew ipproċessati u kkundannati.

    Minkejja l-furur li nqala’ kontra l-knisja, żgur li dan il-każ kien ta’ weġgħa kbira mhux biss għall-vittmi, iżda wkoll għall-bqija tal-Knisja Maltija, u b’mod speċjali għall-bqija ta’ dik l-ordni ta’ patrijiet li żgur li ma humiex kollha ħżiena jew kollha abbużivi.

    Qabel xejn ma nara l-ebda raġuni għalfejn wara tant snin xi ħadd kellu jiġih f’moħħu l-każ u jagħmel karru fuqu. Kieku l-każ kien xi episodju riċenti nifhem illi bniedem seta’ kellu t-tentazzjoni jżewwaqha mal-karnival bħal xi ħaġa riċenti. Iżda dan il-każ ħareġ fid-dawl fis-sena 2003 u kwindi ma nara l-ebda raġuni għalfejn dan seta’ jservi ta’ interess pubbliku 17-il sena wara. Wisq nissuspetta li warajh hemm xi skop ulterjuri.

    Min ħareġ b’din l-idea…

    Min ħareġ b’din l-idea ċertament li ma ħasibx fil-weġgħa tal-vittmi fejn bla ma jrid qed jerġa’ jiftħilhom il-ferita u jpoġġiha għat-tiċrit tal-ħluq u ż-żeblieħ karnivalesk.

    Min ħareġ b’din l-idea ma għandux f’moħħu li jiġbed is-saqajn biss, iżda li jwaqqa’ għar-redikolu, saħansitra lill-Arċisqof stess, li mhux biss qatt ma kellu x’jaqsam ma’ dan il-każ, iżda li huwa persuna nominat mill-Vatikan sabiex jippresedi fuq każijiet simili, fejn hu magħruf illi korrettament l-Arċisqof huwa persuna riġida ħafna kontra dawn l-abbużi.

    Min ħareġ b’din l-idea żgur ma jafx kemm weġġgħu l-Arċisqfijiet ta’ qabel dak preżenti,  meta feġġ dan il-każ, li saħansitra kien inidrizzat mill-Papa Benedittu XVI meta ġie Malta.

    Min ħareġ b’din l-idea mhux qed jirrispetta lill-bqija tal-Patrijiet ta’ dik l-ordni u lid-dar ta’ San Ġużepp li mill-bqija għamlet ħafna ġid ma’ tfal oħra.

    Il-każ huwa każ sfortunat għal dawk it-tfal, każ ta’ dwejjaq, każ li jweġġa’ lil kull min mess miegħu, każ tal-biki, u każ tal-biża’. Jekk hu kollox, żgur li mhux każ li wieħed jagħmlu oġġett ta’ daħq, redikolu u żufjett fil-karnival. Ma tistax tirredikola traġedja. Min ħareġ b’dan il-karru wera insensittività kbira.

    L-awtoritajiet m’għandhomx iħallu dan il-karru jipparteċipa u jekk l-awtoritajiet jibqgħu passivi, il-Knisja jew min għandu interess għandu jieħu passi bil-Qorti biex dan il-karru jiġi mwaqqaf milli joħroġ.