Il-kanċer fit-tfulija

    M’hemm xejn aktar għażiż għalina mis-saħħa, b’mod speċjali s-saħħa ta’ wliedna.

    Dan ix-xahar huwa ddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer fit-tfulija – forsi waħda mill-aktar realtajiet kiefra li qatt jistgħu jiffaċċjaw iċ-ċkejknin u l-familji tagħhom.

    Fi rwol tiegħi bħala viċi-chairperson tal-grupp fil-Parlament Ewropew kontra l-kanċer, qed niltaqa’ ma’ ħafna realtajiet li jġiegħluni naħdem b’aktar konvinzjoni. Il-kura ta’ dawn il-pazjenti għandha tkun prijorità, speċjalment fejn jidħlu in-nuqqas ta’ mediċina, l-aċċessibilità u prezzijiet.

    Mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides insistejt u se nkompli ninsisti li niġbed attenzjoni fuq il-fatt li jeżistu sitwazzjonijiet fejn pazjenti ma għandhomx aċċess għall-mediċini f’pajjiżhom, speċjalment fi swieq żgħar, inkluż dak f’Malta. Barra minn hekk irridu nappoġġjaw ir-riċerka dwar l-aspetti kollha relatati mal-kanċer: il-prevenzjoni, il-proċess ta’ dijanjosi, il-kura u l-ħarsien li jkun hemm bżonn wara l-kura.