Il-Kaċċa fir-Rebbiegħa

    Id-deċiżjoni jekk il-pajjiż jibqax jiddefendi l-kaċċa fir-Rebbiegħa se jsir fil-ħdax ta’ April permezz ta’ referendum. Kulħadd huwa nfurmat fuq dan imma s-surveys li qed isiru qed juru li hawn persentaġġ ta’ Maltin li ftit li xejn jimpurtahom tant li mhux lesti li joħorġu jivvotaw. Almenu hekk qalu meta kienu intervistati.
    Bħal kull ħaġa oħra, hawn min jaqbel u hawn min ma’ jaqbilx. Il-kaċċaturi bi ħġarhom jidrilhom li huwa dritt tagħhom li jkunu jistgħu jikkaċċjaw f’dan l-istaġun li fuqu se jsir ir-referendum. Fil-waqt li oħrajn bħal ma huma dawk li jassu d-drittijiet tal-annimali u dawk li fuq prinċipju ma’ joqtlu jew  jieklu l-ebda annimal huma kontra.
    Id-deroga sabiex il-kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa ssir kienet innegozzjata qabel ma’ Malta daħlet bħala Membru fl-Unjoni Ewropea. Fl-ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma’ huwa legali li issir il-kaċċa fir-Rebbiegħa, iżda peress li din kienet parti minn negozjati u kienet aċċettata, dan seta jsir.
    Naħseb li r-raġuni sabiex ma’ ssirx kaċċa fir-Rebbiegħa hija waħda bażika ħafna. Ir-Rebbiegħa huwa ż-żmien meta l-għasafar u tajr ieħor jemigraw minn naħa għall-oħra tal-Ewropa fejn imbagħad ibejtu u jkollhom iż-żgħar. Jekk dawn l-istess għasafar u tajr jinqatlu hekk kif jgħaddu minn fuq Malta u Għawdex, allura l-possibilita ta’ aktar għasafar imut magħhom. Qed nitkellmu fuq sostenibilita.
    Kont naħseb li l-kaċċaturi stess se jiddefendu l-passa tal-għasafar sabiex imbagħad fl-istaġuni l-oħra, ikollhom x’jikkaċċjaw!! Dan mhux għax naqbel magħhom għax għalija li tispara fuq l-għasafar li jgħaddu minn fuqna mhux aċċettabbli. L-għasafar li jpassu minn fuqna għandu jitpaxxa bihom u jgawdihom kulħadd u mhux tibża toħroġ imqar għal passiġġata fil-kampanja għax kważi tkun qed tissogra xita ta’ ċomb għal fuqek. Imma dak argument ieħor.
    Nistagħġeb li donnu l-kaċċaturi lanqas biss qiesu dan il-fatt. Almenu jien ma smajt xejn fuq dil-linja …. Possibbli li għall-għaqdiet tal-kaċċaturi dan mhux relevanti? Jien ma naqbilx mal-kaċċa speċjalment jekk din tkun ipprattikata b’arroganza u bla kontrolli, imma minn naħa l-oħra, jekk kollox ikun irregolarizzat mill-liġi, allura naċċetta li l-kaċċaturi għandhom drittijiet ukoll għalkemm xorta ma’ naqbilx. Ma naħsibx li għax ma togħoġobx lili, allura din għandha tieqaf. Imma bħal kollox ma’ kull dritt hemm id-dmir …. ma tantx nara l-kaċċaturi jonoraw dmirijiethom lejn il-kumplamnet tas-soċjeta. U forsi lanqas intihom tort sa barra jekk nippretendu li jkunu huma stess li jinfirmaw lill-awtoritajiet kemm ikunu qatlu għasafar. Possibbli ma’ sibniex sistema oħra li tkun aktar sigura u eżatta sabiex nassiguraw li ma’ jinqatlux aktar għasafar minn numru stipulat? F’dawn is-sitwazzjonijiet donnu ninsew li aħna xejn m’aħna ddixiplinati. U minnħabba din in-nuqqas ta’ dixxiplina imissna nagħżlu sistemi li jkunu tali li jaqbdu lil min jinganna.
    Illum l-argument li min jikkaċċja jagħmel dan sabiex jiekol it-tajr li jaqbad ma’ tantx ireġi għax ħadd m’għadu joħroġ għall-kaċċa għal dan il-għan. U kieku kien hekk, il-ħafna vetrini bl-għasafar ibbalzmati jkunu vojta! L-kaċċa hija biss delizzju li ġej minn żminijiet oħra meta l-iskop kien totalment differenti. Imma għalkemm jien ma’ naqbilx, jekk dan id-delizzju jkun ipprattikat bil-kontrolli neċċessarji, l-ħsara li ssir tkun limitata. Imma mill-kaċċa fir-Rebbiegħa ma’ jigwadanja ħadd!

    Sina Bugeja