Il-Jum kontra l-kanċer

    Fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar, eżattatament fl-4 tax-xahar, iċċelebrajna l-jum kontra l-kanċer sabiex dejjem inqajmu aktar kuxjenza u għarfien fuq din il-marda u biex dejjem inżidu l-edukazzjoni preventiva.
    Qrajna u smajna kemm il-darba li l-ikel li nieklu u l-istil ta’ ħajja li ngħażlu li ngħixu, għandhom effett dirett fuq ġisimna u l-abilta tiegħu li jiġġieled il-kanċer. Biss ma nistgħux ngħidu li kull min jesperjenza l-kanċer seta evitah għax hemm fatturi ereditarji u anke ambjentali.
    Din is-sena l-Eċċellenza Tagħha l-President tar-Republika żaret kemm l-iSptar Sir Paul Boffa u ċ-Ċentru l-ġdid ta’ l-Onkoloġija Sir Anthony Mamo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Huwa mportanti ħafna li meta jinqala l-għawġ, l-pazjent ikollu l-possibilita li jirċievi l-aħjar kura possibbli u f’ambjent l-aktar akkoljenti li nistgħu. Iċ-Ċentru l-ġdid joffri dan perfettament għax minbarra li l-ambjent huwa sabiħ u modern, il-magni li hemm huma fost l-aqwa li hawn ġewwa l-Ewropa. Fil-fatt jinsabu biss fi tlett ċentri oħra biss.
    Biss il-prevenzjoni tibqa mportanti ħafna għax fil-waqt li huwa bi pjaċir li nikteb dak li ktibt fuq iċ-Ċentru l-ġdid, jekk nistgħu nevitaw jew innaqqsu dawn il-problemi jkun ħafna aħjar.
    Sibt artiklu li jiffoka fuq kif nistgħu nevitaw il-kanċer permezz tal-ikel li nieklu. Mhux se nikteb fuq tip ta’ ikel wieħed għax hija t-taħlita ta’ ikel differenti li jsaħħaħ il-ġisem u jarmaħ biex jiġġieled kontra l-mard. Jekk naqsmu l-platt tagħna fi tlieta, huwa ssuġġeriet li tnejn minn tlieta li jkun hemm ġo fih ikun ġej minn bażi ta’ ħaxix, waqt li l-wieħed minn tlieta l-ieħor ikun ġej mill-proteini mill-annimali.
    Il-frott u l-ħaxix għandhom nutrimenti li jiġġieldu l-kanċer. Aktar ma jkun hemm kulur, aktar ikun hemm nutrimenti f’dak li qed nieklu. Minn barra dan, l-ħaxix jgħinek iżżomm l-pis tajjeb. L-pis żejjed iwassal għal possibilitajiet ta’ kanċer differenti fosthom insibu dak tal-musrana, tal-osofagus (l-pipe li minnu jgħaddi l-ikel sabiex imur fl-istonku) u anke l-kliewi.
    Ikel li fih il-vitamina B (partikularment il-folate) joffri protezzjoni partikulari. Insibuha fi prodotti fejn il-qamħa tintuża sħiha, fil-meraq tal-larinġ, fil-frawli, fl-asparagus u fil-bajd, fiż-żerriegħa tal-warda tax-xemx u fil-ful. Insibuha ukoll fil-ħaxix bil-weraq aħdar bħall-ispinaċi u l-ħass. Dawn minbarra il-vitamini li fihom, insibu ukoll ħafna fibra li għandha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kanċer tal-musrana.
    It-tadama hija ukoll meqjusa bħala frotta tajba ħafna kontra l-kanċer. Is-sustanza li tagħtiha l-kulur aħmar hija assoċċjata ma protezzjoni kontra ċertu kanċer bħal dak tal-prostata. It-te speċjalment dak aħdar huwa prodott li huwa magħruf ħafna għas-saħħa tiegħu kontra ċertu mard inkluż il-kanċer. Studji wrew li jagħmel effett pożittiv fil-prevenzjoni kontra l-kanċer tal-musrana, tal-fwied, tas-sider, fuq iċ-ċelloli tal-pulmun u tal-ġilda u ukoll tal-prostata. Assoċċjat ukoll mal-prevenzjoni tal-kanċer tal-bużżieqa tal-pipi, l-istonku u l-frixa.
    Il-familja tal-fava (l-ful) hija ħaxixa mportanti ħafna għas-saħħa. Fiha ħafna sustanzi li jipproteġu ċ-ċelloli tal-ġisem minn ħsara li tista twassal għal kanċer u fil-laboratorji wriet ukoll li ma’ tħalliex il-multiplikazzjoni taċ-ċelloli ta xi tumur jigbru jgħaġġlu. Il-familja tal-kaboċċi ukoll hija meqjusa bħala tajba ħafna għas-saħħa. Din tinkludi l-kaboċċi, l-pastard, il-brussels sprouts u l-kale u dawn jistgħu jintużaw f’ħafna modi differenti u nteressanti. Joffru prevenzjoni kontra numru ta’ siti differenti.
    L-ilma nnifsu għandu rwol importanti ukoll għax jgħin il-ġisem ilaħħaħ sustanzi ħżiena għall-ġisem. Dan minbarra l-fatt li jekk il-ġisem ikun nieqes mill-ilma, jsoffri problemi varji. Ċertu ħwawar f’ammonti moderati huma tajbin ukoll u dawn jinkludu t-turmeric u l-curcumin li nsibuhom bħala ħwawar indjani.
    Minbarra dak li nafu li jgħin il-prevenzjoni, irridu inżidu dak li nafu li jagħmel ħsara diretta bħal ma huwa l-alkoħol, ix-xaħmijiet ġejjin mill-annimali, z-zokkor u l-laħmijiet ipproċessati. Aktar ma nieklu dawk il-prodotti li nafu li huma tajbin għas-saħħa u aktar ma nevitaw dak li r-riċerka urietna li għandu effett ħażin fuq il-ġisem, aktar nistgħu ikollna ħajja b’saħħitha u twila.

    Sina Bugeja