Il-Grillu

     

    Fl-aħħar artiklu tkellimna dwar il-werżieq jew kif jgħidulu xi wħud, iż-żarżur: dak l-insett li jżarżar matul il-ġranet sħan tas-sajf.

    Illum naraw kif meta s-sħana tal-jum tnin u tmut,u l-għaxija titliegħeb ma’ żiffa ħelwa wara nżul ix-xemx, il-grillu jeħodha f’idejh biex f’dawk il-ħinijiet isaħħar bit-tisfir tiegħu. U l-werżieq imur jistrieħ għall-għada.
    Wieħed jista’ jisma’ t-tisfira tal-grillu: insett ieħor, kollhu iswed, twil madwar 3 ċm kemmxejn ċatt u b’par antenni twal. Huwa qarib tal-ġurati. Matul il-ġurnata jkun moħbi qalb il-ħaxix, taħt xi injam, jew f’xi xaqq, u joħroġ bil-lejl. Jista’ wkoll iħaffer toqba fl-art li jagħmilha daru, jew inkella jsib xi toqbod oħra mħaffra minn xi annimal ieħor. L-irġiel għandhom ir-roqgħa tagħhom u jiġġieldu kull raġel ieħor li jipprova jidħol f’din ir-roqgħa.
    Fuq daharu, fejn jaqbdu l-ġwienaħ, il-grillu raġel ikollu żewġt idbabar sofor. Ir-raġel huwa dak l-aktar li jsaffar, biex isaħħar xi grillu mara tersaq lejh ħalli  jkun ir-ragel tal-friegħ tagħha. U minn tard fil-għaxija sa kmieni filgħodu, isimgħu jsaffar.
    Hemm ħafna li jitfixklu l-grillu mal-werżieq, saħansitra hemm minn lill-grillu jsejjaħlu werżieq. Dan ikun żbaljat. Filwaqt li l-werżieq kif rajna fl-artiklu ta’ qabel iżarżar, il-grillu jsaffar. 
    Min jaf meta konna żgħar kemm konna nżommu xi grillu raġel ġo xi bott b’ħafna toqob għan nifs, barra t-tieqa tal-kamra tas-sodda biex iwennisna matul il-lejl bit-tisfir tiegħu. Niftakar konna ntuh xi nofs tadama għall-ikel. Il-grillu jiekol minn kollox, sew jekk ikun ikel organiku, saħansitra ħaxix maqtugħ qed jitħassar, fungi, u anki xi weraq.
    Illum bil-kemm tara grillu. L-aħħar grillu li rajt kien fuq il-fosos tal-Furjana fejn kont għal frisk ta’ filgħaxija. Dan intlemah minn żgħażugħ li dlonk ġera għal fuqu u b’daqqa ta’ sieq għaffġu ċatt. Minn jaf kemm ħassu kburi dak iż-żgħażugħ li bl-intelligenza ta’ bniedem irnexxilu jgħaffeġ insett daqshekk żgħir u neħħielu ħajtu. Imma hekk aħna mgħallmin!
    Il-grillu raġel isaffar billi jħokk iż-żewġ ġwienaħ ta’ quddiem ma’ xulxin. Matul ix-xifer tal-ġewnaħ għandu vina li hija miksija bis-snin, qisha moxt. Meta l-grillu jgħaddi l-ġenb ta’ waħda mill-ġwienaħ matul is-snin tal-oħra, joħloq dik it-tisfira. U meta jagħmel hekk, iżomm il-ġwienaħ miftuħin ’l fuq biex il-ħoss jasal aktar. Meta t-tisfira tiegħu tkun waħda qawwija u soda, din tkun kemm biex jiġbed lejh xi mara, jew inkella biex iwiddeb lil xi grillu ieħor raġel biex ma jidħolx fir-roqgħa tiegħu. Tisfira qawwija u mgħaġġla tfisser li żewgt irġiel iltaqgħu u jkunu qed ilestu biex jiġġieldu. Għalhekk din it-tisfira għandha l-għan li tnaffar lir-raġel li jkun daħallu fl-għalqa.  Tisfira baxxa u maqtugħa tfisser li hemm mara fil-qrib, u l-għan tat-tisfira huwa biex tħajjar lill-mara tersaq biex jagħtu mħabbithom lil xulxin. Naraw li anki daqsxejn ta’ tisfira tal-grillu tintuża biex twassal messaġġ, mezz ta’ komunikazzjoni, li bl-istudju anki aħna nistgħu nifhmu xi jrid jgħid.
    Il-grillu mara titgħammar fl-aħħar tas-sajf u tbid il-bajd fil-ħarifa. Hija għandha bħal labra twila fuq wara li tużaha biex tbid il-bajd u tpoġġihom taħt il-ħamrija niedja. Huwa stmat li din tbid madwar 200 bajda li jfaqqsu fi grillijiet żgħar wara ftit ġimgħat.
    Hemm xi pajjiżi, ngħidu aħna ċ-Ċina, fejn iżommu l-grillu f’xi gaġġa fid-djar, għaliex dan huwa meqjuż li jġib ir-risq. Imma anki f’xi pajjiżi tal-Mediterran wieħed jista’ jsib din id-drawwa. Barra minn hekk, fiċ-Ċina jagħmlu mħatri u jġelldu żewġt irġiel. L-intelliġenża tal-bniedem ma għandha l-ebda tmiem.
    U hekk kull sena l-grillu jferraħna bit-tisfir tiegħu, dejjem sakemm ma jaqax vittma ta’ xi bexx velenuż li jinbexx bla ebda għan ħlief biex xi ħadd forsi jaqla’ euro, imħallas minn entitajiet pubbliċi.
    Isem Malti: Grillu
    Isem xjentifiku: Gryllus bimaculatus
    Isem Ingliż: Two-spotted cricket
     
    Ara wkoll: Il-Werżieq http://www.newsbook.com.mt/blogg/2014/8/4/il-werzieq.20777

    Alfred Baldacchino
     
    aebaldacchino@gmail.com
    alfredbaldacchino.wordpress.com