Il-gratitudni

    Illum xtaqt nagħmel ħsieb fuq il-gratitudni u wkoll nieqfu nirriflettu ftit kemm fil-ħajja tant mgħaġġla li qed ngħixu, qed nispiċċaw nieħdu kollox for granted. Xtaqt naqsam storja magħkom. L-istorja tirrakkonta ħajja ta’ ġuvnott li kien ġej minn familja sinjura ferm u ta’ tfajjel ċkejken dejjem kien jgħid lil missieru li, kif jiggradwa, missieru jmissu jixtrilu waħda mill-isbaħ karozzi li jista’ jsib fis-suq.

    Wasal il-jum tant sabiħ tal-gradwazzjoni meta l-ġuvnott tal-istorja ġab riżultati ferm tajbin u kienet tista’ tgħid l-isbaħ ġurnata għalih u għal missieru. Kif ġew lura d-dar il-missier sejjaħ lil ibnu fl-istudju tiegħu u qallu biex ipoġġi bilqiegħda biex jagħtih dak ir-rigal sabiħ li se jissinifika s-snin ta’ ħidma u studju. It-tifel bla dubju stenna li se jsib karozza wara l-bieb imma l-missier newwillu djarju tal-ġilda ferm sabiħ u lussuż u qallu: “Ibni, żgur jimmeritak dan ir-rigal li jien qed nagħtik minn qalbi.” F’dak il-ħin, il-ġuvni ħass rabja kbira. Sabbat id-djarju tal-ġilda li tah missieru u qallu: “Pa, id-djarju tista’ żżommu int għax jien karozza ridt. U f’din id-dar mhux se tarani iżjed.”
    U hekk għamel telaq għal riħu mingħajr qatt ma ndenja ruħu jagħmel imqar darba telefonata biex jara kif inhu missieru.
    Għaddew ix-xhur u s-snin u dan il-ġuvni sar raġel sinjur immens b’dak l-istudju kollu ta’ tfulitu, u hu wkoll kellu l-familja tiegħu u sar anki missier.
    Darba fost l-oħrajn beda jiftakar f’kemm tant ħabbu missieru u li kien tah kollox tant li kien qiegħed fil-pożizzjoni li kellu grazzi għalih u kemm emmen fih.
    Iddeċieda li dakinhar imur jarah u jgħannqu miegħu. Qabad it-tren b’qalbu maqsuma u wasal quddiem id-dar ta’ missieru. Kif ħabbat fetħitlu mara żagħżugħa u qaltlu li missieru kien miet xi xahar qabel u għalxejn ippruvaw isibuh għax hu ma kienx ħalla ħjiel. Daħal u beda jdur mal-kmamar iġedded b’diqa l-memorji tant sbieħ ta’ tfulitu sakemm spiċċa proprju fl-istudju li tant kien għażiż għal missieru. Xi ħaġa li stagħġeb biha immens kienet li fuq l-iskrivanija ta’ missieru ra dak id-djarju sabiħ tal-ġilda li missieru kien xtralu meta ggradwa. Qabdu f’idejh u beda jqalleb il-paġni, jistħi minnu nnifsu li dakinhar li qala’ dak ir-rigal lanqas biss indenja ruħu jiftħu. Hu u jqalleb il-paġni, waqgħet mid-djarju ċavetta ta’ karozza. Ma’ din iċ-ċavetta kien hemm nota sabiħa mdendla maħruġa mingħand wieħed mill-aqwa aġenti tal-karozzi li tgħid: “Paid in full, jalla dan id-djarju jservi sabiex fih tikteb il-vjaġġi sbieħ kollha ta’ ħajtek li se tagħmel b’din il-karozza li ilek tant tixtieq, biex tibqa’ tiftakarhom għal dejjem – b’ħafna mħabba – mingħand l-għażiż missierek.”
    Mhux se noqgħod nidħol f’sentiment ta’ kif seta’ ħassu dan ir-raġel tal-istorja tagħna, imma li hu żgur hu li din l-istorja tħallik bla kliem u wkoll iġġiegħlek tirrealizza kemm drabi fil-ħajja nafu nkunu ingrati. Min jaf kemm għandna persuni li tant huma importanti fil-ħajja tagħna u aħna lanqas biss nirrikonoxxu jew insibu ħin biex ngħidulhom sempliċement grazzi ta’ dak kollu li jagħmlu magħna, grazzi talli jinsabu f’ħajjitna u ta’ kemm tiftaqar il-ħajja tagħna mingħajrhom. 

    Marica Mizzi hija l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Caritas.