Il-ġirja tal-Ġimgħa Mqaddsa…u l-bojja

    Għada mas-sebħ, il-qniepen kollha, kbar u żgħar, taż-żewġ kampnari tal-Parroċċa jibdew idoqqu noti ferrieħa b’qima lejn Kristu Rxoxt. Is-soltu ċorma żgħażagħ jitilgħu bil-ġirja l-garigor tal-kampnar biex kollha għors jiġbdu l-ħbula tal-qniepen b’ħeġġa liema bħalha u jdoqqu l-Glorja. Kos, jumejn ilu dawn l-istess qniepen kienu mmutaw u minflokhom iċ-ċaqliq taċ-ċuqlajta kien damdam il-kampnari u l-madwar bi ħsejjes maħnuqa donnhom f’karba.
    Illum hu Sibt il-Għid u kumbinazzjoni nzertat festa pubblika ukoll. Frixt ħarsti madwari. Il-misraħ kien miżgħud bin-nies. Il-bibien tal-każini u l-ħwienet tax-xorb kienu miftuħa beraħ u l-istess bejjiegħa li nhar il-Ġimgħa l-Kbira kienu armati bil-karamelli u l-qagħaq tal-appostli, illum kellhom tilari mimlija bil-figolli u l-bajd tal-Għid. Din hi festa ta’ ferħ, għada hu jum il-ħajja.
    Ftit ġranet oħra u l-vaganzi jkunu ħarbu. Terġa’ tibda l-iskola, tirritorna r-rutina u ngħid għalija jien nerġa’ nerħilha għall-Parlament. ‘Eh. Din id-darba naħseb tagħqad’, irraġunajt bejni u bejn ruħi u irħejtilha b’pass hafif lejn id-dar. 
    Ftaħt il-bieb u sabbattu tant, li kont mistagħġeb bis-sabta li bih għalaqtu. Qbadt dak l-imniefaħ tablet u bdejt nittajpja t-toqol ta’ ħsibijieti. Id-dibattiti ser ikunu missielta. Il-Prim Ministru diġa’ tefagħha ma’ saqajna li se jagħmilha tal-bojja. Ftaħar li għandu l-Grupp Parlamentari warajh biex ineħħi l-protezzjoni li l-liġi tal-embrijun tassigura fuq il-ħajja u dan għax ħalifha li jrid idaħħal l-iffrizar tal-embrijuni. Kien fil-bidu tal-ħarifa tal- 2016 li f’diskors kien tenna din il-fehma. Dak in-nhar ma kellux l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari. Li forsi hu żgur minn dak in-nhar ‘l hawn hu li l-xkiel li kellu tneħħa u ser tintuża l-frosta tal-Whip. Forsi min qara sa hawn jgħid: ‘Allura , x’fiha ħazin?’.
    Ftit tal-ġimgħat ilu kont mistieden nitkellem f’Jum Dinji ddedikat lill-Ħajja fil-Konkatidral ta’ San Gwann. Kont stqarrejt hekk: ‘L-ebda politiku, l-ebda bniedem ma jista’ jitkellem b’konvinzjoni favur id-dinjtà tal-bniedem, l-ugwaljanza, l-opportunitajiet indaqs u d-dritt tal-għażla ħielsa jekk ma jirrikonoxxix b’mod sħiħ id-dritt tal-ħajja… Dan hu l-qofol’. Mid-dritt universali tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem joħroġ  kwalunkwe dritt ieħor, imma bil-maqlub le.
    Ejja ngħiduha kif inhi, bħal issa għandna liġi li tipproteġi l-embrijun u waqt il-proċess tal-IVF jintagħżlu ħames bajdiet li minnhom jiġu ffertilizzati tnejn, u għalhekk b’mod assistit tingħata l-ħajja lil żewg embrijuni. Li qed jiġi propost mill-gvern, bl-emenda fil-liġi hu, li jiġu ffertilizzati ħames embrijuni, jingħażlu tnejn u dawn jitqegħdu fl-utru, filwaqt it-tlett embrijuni l-oħra, jiġu ffriżati. 
    Insaqsi: Min jien biex nagħżel bejn embrijun u ieħor? Hu fatt li t-teknoloġija xjentifika ma tagħti l-ebda garanzija li dawn l-embrijuni ma jmutux sakemm xi darba jiġu impjantati fl-utru tal-omm. Din il-proposta tal-emenda fil-ligi ser twassal biex dawk il-membri tal-Kamra li ser jivvutaw favuriha ser jitqiesu: bojja. Ma hemmx kelma ohra li tiddiskrivihom. 
    Ix-xjenza tixhed b’mod assolut li l-ħajja tal-bniedem tibda mal-konċepiment. Dan l-embrijun hu bniedem, li hu ġenetikament distint mill-ġenituri u f’din l-ewwel ċellola li tinħoloq bis-saħħa tal-fertilizazzjoni li tkun seħħet, hemm imniżżel il-proċessi kimiċi kollha biex bniedem jiżviluppa u jikber f’ċiklu ta’ stadji ta’ ħajja li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu sal-mewt. 
    Għalhekk insaqsi:
    Fejn hu r-razzjonal favur il-ħajja? Fejn huma l-opportunitjiet indaqs ta’ bejn ħajja u oħra meta wieħed jispiċċa jagħżel min jgħix u min imut? Ilum ukoll jinzerta Jum il-Ħelsien, festa Nazzjonali li tfakkar ġrajja…X’ħin nixtarr sew, ninduna li f’soċjeta’ mibdula, l-vera ħelsien għadna l-bogħod minnu.
    Intlift fi ħsibijieti….
    Ħarist lejn santa zgħira li kienet fuq il-komodina u li kienet tqassmet fil-knisja nhar Ħamis ix-Xirka…Il-lum il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kienu żżarmaw u ntrefgħu fin-niċeċ tal-oratorju fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u sbieħ illum. Is-sepulkru li kien laqa’ l-Ewkaristija fost dik il-ħlewwa ta’ ward ikun tneħħa, u l-vara ta’ Kristu Rxoxt rebbieħ fuq il-mewt, iżomm il-bandiera b’salib kbir abjad fuq sfond aħmar, tkun ġiet maħruġa min-niċċa matul il-lejl u tpoġġiet qrib l-artal maġġur…
    ‘Kif ħarbet din il-ġimgħa’ għidt bejni u bejn ruħi. Għada Ħadd il-Għid. 
    Merfugħ fuq l-ispallejn jinħareg l-Irxoxt akkumpanjat minn noti ferrieħa tal-banda fost iċ-ċapċip tal-ġemgħa …u hekk kif kull darba jingħata s-sinjal, tara r-reffiegħa b’għors jiġru ġirjiet bil-vara tal-Kristu Rxoxt rebbieħ.
    Tgħid aħna ser nibqgħu rebbieħa fuq il-ħajja?
    Ser tibda ġirja oħra. Dik tas-sens komun, jew hekk kif jien inħobb ngħid dik tal- ‘good sense’ għax is-sens ma għadux komuni…
    Sliem u saħħa.