Il-Futur Tagħna Jibda Issa!

    Hekk kif kważi għaddiet sena akkademika oħra, ma nistgħux ma nieqfux naħsbu fuq dak kollu li nkunu għaddejna minnu. Matul is-sena kollha żgur li kull wieħed u waħda minnha jgħaddi minn diversi esperjenzi li jgħinuna lkoll nikbru u nitgħallmu. Dan huwa s-sabiħ taż-żgħożija u tas-snin li wieħed iqatta’ fl-istituzzjonijiet edukattivi, li ta’ kuljum ngħaddu minn ġrajja wara l-oħra li jgħaġnuna f’dak li għad nkunu.

    Ftit tal-ġimgħat ilu seħħew ukoll l-elezzjonijiet fi ħdan il-Kunsill Studenti Universitarji, fejn ġew eletti l-membri tal-eżekuttiv għas-sena li ġejja. Personalment, wara li mmilitajt fi ħdan il-Kunsill għal dawn l-aħħar tliet snin, kien wasal iż-żmien għalija sabiex bil-mod il-mod nibda nitlaq ir-riedni ta’ dan il-Kunsill li sar tant għal qalbi. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkun qiegħed nħalli xi esperjenzi li għaddejt minnhom matul daw is-snin, pero llum nixtieq nsellem u nikkongratula lil dawk kollha li għamlu wiċċhom ‘il quddiem u kkontestaw sabiex jirrappreżentaw lil-sħabhom l-istudenti. Din mhijiex xi ħaga li wieħed jagħmel għall-intriċċi personali li jista’ jkollu, iżda fl-eqqel tagħha hija miġja ta’ tagħlim u ħidma sfieqa għal sħabna stess, sabiex flimkien intejbu l-komunita Universitarja. Għal dawk l-istudenti sħabi li se jkunu qegħdin jkomplu l-ħidma tagħna jiena nitlobhom sabiex ikomplu jżommu lill-istudent fil-quċċata tal-prioritajiet, sabiex l-edukazzjoni tagħna tibqa’ tiġi meqjusa bħala l-aktar għodda siewja li tpinġi l-futur ta’ pajjiżna.

    Il-futur tagħna jibda issa, għaliex kull wieħed u waħda minnha għadu fiċ-ċans li joħloq dak li dejjem kien jemmen fih. Ftit tal-ġranet ilu rajna accident tat-traffiku li ħalla vittma żgħażugħ ta’ 21 sena li kien għadu fl-aqwa ta’ ħajtu. Dan ġegħlni naħseb mhux ftit fuq ir-realtajiet tal-ħajja u kemm din ma tistenna lil ħadd. Għalhekk għandu jiġi minnha lkoll li naħtfu kull opportunita li tiġi għalina sabiex tabilħaqq nkunu ċittadini attivi li jagħmlu differenza fil-komunita Maltija.

    U propju dan iż-zmien tal-Universita, iż-żmien tal-istudju u tal-eżamijiet, huwa ż-żmien li jgħinna naħsbu ftit fuq il-futur tagħna. Forsi xi drabi nħossuna se naqtgħu qalbna u ma nifilħux aktar. Huwa hawnhekk fejn irridu nagħtu ħarsa lejna nfusna, u minflok ngħidu kelma żejda, ngħidu waħda nieqsa u nkomplu fi triqitna lejn dak li rridu nwettqu. Għalkemm din żgur mhix l-aktar ħaġa faċli, irridu nitgħallmu ċertu sens ta’ responsabbilta’ li jgħinna naslu fejn irridu naslu.

    Ejjew ilkoll nagħmlu kuraġġ b’xulxin, u ftakar li fid-dinja qatt m’inti waħdek għaliex dak li qiegħed tesperjenza, għalkemm probabli mingħalik li int l-aktar persuna sfortunata fid-dinja, dan mhux minnu għaliex lkoll xi darba għaddejna minn sitwazzjonijiet mhux pjaċevoli. U huma propju f’dawn il-każijiet li aħna rridu nkunu kapaċi nxammru l-kmiem u nħarsu ‘l quddiem, għaliex verament nemmen li l-futur tagħna jibda issa.

     

    Mario Cachia