Il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol – soluzzjoni fl-interess ta’ kulħadd

    Tilwima industrijali avviżi legali ERB

    Propju qabel dħalna f’dan il-perjodu tal-pandemija fejn ħafna minna kellna l-għażla li nibqgħu fi djarna biex nipproteġu lilna nfusna, kont mistiedna biex bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Mara niddiskuti arranġamenti flessibli fuq il-post tax-xogħol. Ftit li xejn konna nafu li sa ftit jiem wara, ilkoll kemm aħna konna se nkunu qegħdin niġu mħeġġa naħdmu mid-djar tagħna! Ir-realtà tagħna nbidlet, imma r-raġunijiet u l-benefiċċji tal-arranġamenti flessibli fuq il-post tax-xogħol, li fuqhom sħaqt, ma nbiddlux.

    F’ċirkostanzi normali, meta nitkellmu fuq il-flessibiltà fuq il-post tax-xogħol nitkellmu fil-kuntest fejn persuna tibbenefika minn dawn l-arranġamenti meta ssir ġenitur, jew f’każ li trid tieħu ħsieb lil xi ġenitur. Normalment, nitkellmu fuq dawn ir-realtajiet meta qed niddiskutu l-parteċipazzjoni tal-mara fl-impjieg.

    Ilqajt l-istedina mill-ewwel meta qaluli biex inkun parti mid-diskussjoni nhar is-6 ta’ Marzu. La jien omm, u lanqas għandi xi ħadd dipendenti fuqi; iżda fix-xogħol tiegħi bħala riċerkatur mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta nibbenefika mill-flessibilità fuq il-post tax-xogħol. M’għandix arranġamenti speċjali għalija, imma hija l-mod ta’ kif topera l-Università.

    Nibda biex nirrimarka fuq din l-idea li arranġamenti flessibbli għandhom ikunu hemm biex il-mara tibqa’ taħdem meta jkun hemm persuni dipendenti.

    Filwaqt li permezz ta’ dan il-ħsieb, aktar nisa qegħdin jaħdmu, pjuttost nemmen li għandna naħsbu bil-kontra. Il-familja hija prijorità, u meta wieħed isir ġenitur, huwa tajjeb li jkun jista’ jgħin fir-responsabbilità tat-trobbija u li jgawdi jara lil uliedu jitrabbew, irrispettivament jekk hux l-omm jew il-missier. Dan għandu jsir filwaqt li xorta jkollu l-opportunità li jkompli jgawdi l-benefiċċji li jġib miegħu x-xogħol u li jikkontribwixxi lejn is-settur li jopera fih. Huwa għalhekk li kull persuna fil-familja tista’ tibbenifika meta jkun hemm impjieg li jippermetti l-flessibiltà.

    Min-naħa l-oħra, il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol tista’ tkun ta’ benefiċċju mhux biss għal min qiegħed irabbi.

    Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ta’ sikwit ikolli appuntamenti l-isptar. Permezz tal-flessibilità li tippermetti l-Università ta’ Malta, kemm-il darba stajt nattendi għal dawn l-appuntamenti mingħajr ma kien hemm il-bżonn li napplika għal-leave. Żgur li ħaddieħor jista’ jagħmel użu mill-flessibilità fil-ħin tax-xogħol għal dawn jew raġunijiet oħra, bħall-parteċipazzjoni fis-soċjetà ċivili jew sport. Għalhekk arranġamenti flessibbli jistgħu jwasslu għal aktar kuntentizza u motivazzjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar.

    Tajjeb nagħrfu li l-bniedem ikun l-aktar produttiv f’ħinijiet differenti u f’ambjenti differenti.  Nistgħu nkunu aktar kreattivi wkoll meta taħdem minn postijiet differenti, għaliex il-bniedem ikun espost għal sitwazzjonijiet jew realtajiet differenti. Barra minn hekk, meta l-ħaddiema jkollhom l-opportunità tal-flessibiltà, dawn iħossuhom fdati aktar, li jista’ wkoll iwassal biex dawn il-ħaddiema jaħsbuha darbtejn qabel jibdlu l-impjieg tagħhom. Dawn huma kollha benefiċċji li minnhom jista’ jgawdi min iħaddem, apparti l-possibilità li wieħed jiffranka l-ispejjeż fuq il-kera ta’ uffiċini.

    Punt ieħor li sħaqt fuqu waqt din id-diskussjoni kien l-importanza tal-kreattività u l-innovazzjoni biex noħolqu sistemi fejn ħaddiema jistgħu jaħdmu mid-djar tagħhom jew f’ħinijiet varji, biex anke nindirizzaw sfidi akbar, bħat-traffiku u t-tniġġis tal-arja. Fil-fatt meta tqis li ftit aktar minn ħmistax wara l-pajjiż beda jipprova jaqleb biex kemm jista’ jkun ħaddiema jkunu jistgħujaħdmu b’mod remot, wieħed seta’ jara b’mod prattiku kif it-toroq tagħna fl-aħħar ħadu nifs. Iżda mhux it-toroq biss qed jieħdu nifs, imma aħna lkoll. Fid-dawl tal-bidliet li qegħdin isiru, l-indiċi tal-kwalità tal-arja qiegħed juri li pajjiżna ra titjieb f’dan l-aspett f’dan iż-żmien qasir.

    Il-flessibiltà fuq il-post tax-xogħol tista’ tfisser ukoll aktar ħin produttiv b’kuntrarju għal kultura fejn drajna nkejlu l-ammont ta’ sigħat li nqattgħu fl-uffiċċju milli kemm intellgħu xogħol.

    Dan jista’ jagħti spazju għal familji biex iqattgħu aktar ħin ta’ kwalità flimkien, xi ħaġa li wkoll qegħdin naraw tiġi apprezzata ferm aktar issa li ħafna minna m’għandniex għażla ħlief li nkunu d-dar. Tista’ tfisser aktar ħin fejn persuni jistgħu jipprattikaw sport jew attività fiżika u nindirizzaw l-isfidi marbutin mal-piż f’pajjiżna.

    F’dawn l-aħħar jiem rajna wkoll li hemm bżonn ta’ infrastruttura u aċċess għat-teknoloġija sabiex xogħol b’mod remot ikun aktar possibli. Hemm bżonn ta’ iktar investiment mill-intrapriżi u s-settur pubbliku sabiex dan ikun possibbli, però aktar minn hekk, hemm bżonn li aktar organizzazzjonijiet li jħaddmu jkunu motivati u jagħrfu l-benefiċċji li jġibu magħhom arranġamenti flessibbli fuq il-post tax-xogħol, kemm sabiex il-ħaddiema jkunu aktar produttivi, kif ukoll sabiex ikollhom livell ta’ kwalità ta’ ħajja ogħla.

    Dan huwa żmien interessanti li qegħdin ngħixu fih. Dan il-virus sfurzana nagħmlu tibdil li tant ilna nkaxkru saqajna biex isir minna l-bnedmin. Ix-xogħol b’mod remot huwa eżempju ta’dan. Tgħid wara li tgħaddi din il-pandemija, se nkunu tgħallimna xi ħaġa f’dan ir-rigward?