Il-faqar u n-nuqqas tal-ugwaljanza

    Il-Kunsill ta’ l-Ewropa għadu kemm tella konferenza bit-titlu ‘L-Faqar u N-Nuqqas tal-Ugwaljanza’ fejn, kif jindika l-isem magħżul, iffukat b’mod partikulari fuq il-faqar ta’ żmienna. Faqar li qed jaffetwa lill-popli b’modi differenti. Kien hemm ħafna kelliema u tqajmu ħafna punti relevanti. Se naqsam magħkom biss xi elementi li lili nteressawni b’mod partikulari.

    Kelliem partikulari enfasizza l-fatt li qatt daqs illum fl-Ewropa m’għandna popolazzjoni żgħazugħa daqshekk ikkwalifikata imma li qed ikollha taċċetta li tagħmel xogħol ferm aktar baxx milli mistenni u allura bi dħul inqas ukoll. Spjega kif kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll entitajiet internazzjonali oħra qed jisħqu bis-sħiħ sabiex ikun hawn aktar żgħazagħ li jidħlu għall-edukazzjoni terzjarja jiġifieri li jmorru l-Univerista. U dan jagħmel sens meta naraw kif b’edukazzjoni għola, persuni jkollhom aktar ċans għax-xogħol u allura inqas se jaqgħu fil-ħofra tal-faqar. Inżommu f’moħħna li x-xogħol mħallas kif ħaqqu huwa l-aktar ħaġa mportanti li taqla n-nies mill-faqar.

    Iżda sfortunatament qed jirriżulta ukoll li għalkemm ikollhom kwalifiki xorta qed ikollhom jidħlu għal xogħol ta’ livell anqas għax jew hekk jew ma jaħdmux. Dan kien mod kif sar sfruttament f’pajjiżi varji. Tajjeb li ma ninsewx kif bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija… Żgħażugħ li ippretenda li jsib ix-xogħol wara li spiċċa l-istudji tiegħu mill-Universita, iżda mhux talli ma sabx imma l-anqas negozju żgħir li pprova jagħmel ma tħalla… L-argument ta’ Professur tas-Soċjoloġija huwa li għalkemm qed ngħidu liż-żgħażagħ sabiex jistudjaw sabiex jiggarantixxi futur aħjar għalihom infushom, dan mhux qed iseħħ. Fiċ-ċentru ta’ l-argument tiegħu hemm il-kriżi finanzjarja li laqtet lid-dinja u kif gvernijiet differeti qed joffru soluzzjonijiet li kif jgħid hu, mhux qed iħallu riżultati. Anzi qed iżidu l-problemi.

    Kien interessanti ħafna tisma l-analiżi li saru dwar il-kriżi finanzjarja. Ġie spjegat kif l-ekonomija kienet qeda tigber b’mod artifiċjali ħafna – billi prinċiparjament istituzzjonijiet ġennew lin-nies biex jikkunsmaw bla rażan u ħafna aktar milli kellhom bżonn. Dan, flimkien mall-possibilita ta’ self kbir biex tixtri kwalunkwe ħaġa li tista toħlom biha u li jekk din ma tkunx għandek se tgħaddi ħajtek miżerja. Self li meta jiġi mqabbel mad-dħul li dawn ikollhom, jirriżulta li se jgħaddu l-kumplament ta’ ħajjithom midjunin ma’ dawn l-istess istituzzjonijiet.

    Imbagħad meta nfaqet il-bużżieqa, l-istituzzjonijiet finanzjarji stennew li l-gvernijiet jgħinuhom sabiex islavaw mill-kriżi. U ħafna hekk għamlu u wara li faqqet il-kriżi ekonomika ġew il-miżuri ta’ awsterita u beda l-qtugħ fl-infieq. Kieku l-qtugħ sar fuq min kien qed inneffaħ il-konsum fiha u ma fihiex imma f’ħafna pajjiżi madwarna sar qtugħ kbir fis-sistemi ta’ għajnuna soċjali u min qatt ma kellu xejn u qatt ma ħolom xi ħolm kbir, sab ruħu mjassar minn deċiżjonijiet li hu qatt ma’ iggwadanja minnhom. Fl-argument tiegħu dan il-professur spjega kif in-nuqqas ta’ ugwaljanza ħareġ ċar ħafna f’din il-kriżi. Dawk li kienu diġa żvantaġġjati tkomplew tpoġġew fil-mira u saħansitra ingħataw it-tort. Hu kompla jgħid li meta tara kif ħadmu l-kummpaniji kbar multi nazzjonali jkomplu juru kif huma għandhom biss rispett lejhom nfushom u lejn ħadd aktar. Spjega kif kieku dawn il-kumpanniji jħallsu it-taxxa dovuta minnhom, kieku, per eżempju l-Gvern Amerikan isolvi l-problemi kollha ta’ faqar li għandu. Imma dawn ifittxu kif jirreġistraw il-kumpanniji tagħhom x’imkien ieħor sabiex ħafna minn dik it-taxxa issir ukoll qliegħ. Kieku t-taxxa dovuta titħallas, kieku jsiru deċiżjonijiet aħjar fejn jgħinu lil min m’għandux.

    Dejjem baqgħet il-mistoqsija fuq il-miżuri ta’ awsterita. Dawn qed jgħatu r-riżultati mixtieqa jew qed jagħmlu aktar ħsara. Riċerka ppreżentata uriet kif meta saru esperimenti f’pajjiżi jew f’partijiet ta’ pajjiżi fejn iddaħħal il-kunċett ta’ ‘dħul bażiku’ li jgħati l-gvern lil kulħadd, dan ħalla effetti pożittivi. Il-preżentatur ta’ din ir-riċerka tkellem ċar u qal li min kien xettiku minn din l-ideja qal li pass bħal dan aktar se jtellef milli n-nies ifittxu x-xogħol iżda fir-realta ġie rreġistrat żvilupp pożittiv. Id-‘dħul bażiku’ ma’ serviex biex jikkuntenta lil min irċevieh iżda ta’ trampoline sabiex issir il-qabża li dawn in-nies kellhom bżonn. Ideja bħal din taħdem jekk is-sistema ma’ tħallix abbuż u din l-istqarrija saret b’enfasi qawwija.

    Li nstab li kien ċentrali kien il-fatt li trid teduka lin-nies fuq x’għandhom ikunu l-prijoritajiet u meta qed ngħid teduka din tfisser ħafna modi differenti. Per eżempju jekk trid li min qed jirċievi l-għajnuna juża l-flus biex jitma’ lit-tfal aħjar, allura jkun aktar għaqli li tagħti vouchers apposta milli flus. Wara kollox in-natura umana hi li hi u iblaħ ikun dak li jaħseb mod ieħor.

    Sina Bugeja
    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali